Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’aktar impenn għall-ħarsien tal-ambjent

L-aġir tal-Gvern fil-konfront tal-ambjent huwa xbiha ta' kemm Robert Abela ma jimpurtahx mill-ambjent

Il-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-ambjent, u l-impenn biex l-ambjent ikun mehmuż bħala Dritt Fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ Malta huwa konferma ta’ dan.

Dan hu dak li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Darren Carabott, flimkien mal-kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri fejn ħareġ aktar fil-beraħ kif sfortunatament għandna Gvern li la f’Jum id-Dinja u lanqas fl-ebda ġurnata oħra mhu jħares l-ambjent tagħna. 

Matul il-konferenza ħareġ ukoll li permezz ta’ domanda parlamentari mill-Partit Nazzjonalista, irriżulta li mill-2017 ‘il hawn inqalgħu kważi 4,000 siġra protetta. Iċ-ċifra ma tiġborx is-siġar l-oħra li nqalgħu u mhux meqjusa bħala protetti. 

Ġie mfakkar li xhur ilu l-Partit Nazzjonalista nieda inizjattiva li l-Ambjent għandu jkun rikonoxxut bħala Dritt Fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Din il-proposta, li tressqet wara konsultazzjoni pubblika u l-preżentazzjoni ta’ Abbozz ta’ Liġi, tipproponi bidla storika fil-mod kif pajjiżna jieħu ħsieb l-aspetti ambjentali billi l-Ambjent jingħata l-ogħla protezzjoni fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ambjent m’għandux ikun suġġett għal interessi ristretti jew personali, iżda għandu jitqies bħala dritt universali li jiggarantixxi l-kwalità tal-ħajja għal kull resident ta’ dawn il-gżejjer. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell urġenti għal diskussjoni fil-Parlament biex ikun l-appoġġ sħiħ li jħeġġeġ l-adozzjoni ta’ din il-proposta vitali. Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom id-dritt li jgħixu f’Ambjent nadif, san u sostenibbli.

Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li:

– Għall-ewwel darba tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi f’każijiet fejn il-Qorti tara li jista’ jkun hemm ħsara ambjentali.

– Id-definizzjoni ta’ Ambjent issir tfisser l-arja, l-ilma u l-art, kif ukoll l-ekosistema u dak kollu li jifforma parti minnha, ir-riżorsi naturali u fiżiċi kollha li jaffettwaw il-ħajja umana.

– Il-kelma Ambjent issir tfisser ukoll il-kundizzjonijiet soċjali, koerenza estetika u attributi kulturali.

– Ma jibqax il-bżonn li turi interess personali biex tiftaħ kawża kostituzzjonali dwar l-Ambjent fil-Qrati Maltin u għalhekk, tingħata aktar saħħa għal skrutinju pubbliku min-nies u mill-għaqdiet.

Fl-istess konferenza tal-aħbarjiet kien elenkat fuq kif l-ambjent Malti jista’ jiggwadanja anki minn fondi u inizjattivi tal-Unjoni tal-Ewropea. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li kull żvilupp ekonomiku u anki dak ambjentali jistgħu jimxu id f’id f’bilanċ u li jħallu effett san fuq il-poplu kollu. 

Kwalunkwe għajxien jiġi minn ambjent tajjeb u bħala Maltin u Għawdxin jeħtieġ li jkollna entitajiet li jitħallew jiffunzjonaw u jaqdu dmirhom. 

Mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista appella biex flimkien f’din il-missjoni tant kruċjali, nassiguraw futur aħjar għall-gżejjer tagħna, b’politika ta’ impenn kontinwu għal ħarsien ambjentali għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.