Lokali Parlament

Il-poplu Malti jixraqlu ambjent nadif u mudell ekonomiku sostenibbli


Jerome Caruana Cilia, PN

Il-futur li jixraqlu l-poplu Malti u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna huwa wieħed fejn l-ekonomija tkompli tiżviluppa b’mod sostenibbli u li ma jagħmilx aktar ħsara lill-ambjent ta’ madwarna.

Dan sostnieh id-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia, waqt intervent fil-Parlament f’diskussjoni dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.


“L-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent m’għandniex inħarsu lejhom bħala antagonisti ta’ xulxin”, spjega d-deputat Nazzjonalista li tkellem kif pajjiżna jrid jinvesti fuq numru ta’ oqsma biex jilħaq l-għanijiet tiegħu f’dal-qasam.


Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li pajjiżna għadu lura milli jimxi lejn triq verament sostenibbli, u li biex dan ikun possibbli, jeħtieġ investiment akbar.


Hu sostna li pajjiżna għadu lura milli jimxi lejn triq verament sostenibbli, u li biex dan ikun possibbli, jeħtieġ investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa insista fuq l-importanza li l-Gvern jinvesti aktar fit-teknoloġija u l-qasam diġitali, kif ukoll fil-ħiliet tal-ħaddiema biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu preparati għal din it-tranżizzjoni.


“It-teknoloġiji diġitali qed jittrasformaw kontinwament l-ekonomija peress li huma l-forzi li jistgħu jtejbu l-produttività u jmexxu bidla pożittiva. F’dan ir-rigward, il-gvern għandu obbligu li jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali, iżda għandu jara wkoll li tkun bidla inklussiva billi jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura”, żied jgħid.


B’mod partikolari, huwa rrefera għal għadd ta’ oqsma indikati min-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tas-sostenibbiltà, u semma’ kif dan il-proċess jinkludi investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema, u fit-tisħiħ ta’ sistemi relatati mal-qasam edukattiv u anke jingħata taħriġ speċifiku li jkun jista’ jipprovdi l-ħiliet tekniċi u maniġerjali li huma meħtieġa għan-nies biex ikunu preparati f’ekonomija diġitali.


Caruana Cilia insista li l-investiment f’ekonomija sostenibbli u favur l-ambjent naturali huma kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tal-poplu Malti u Għawdxi. “Dan huwa obbligu għall-ġid komuni, għall-ġid u l-benesseri tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri”, kompla jgħid.


Madankollu, huwa spjega kif dan għandu impatt anke fuq l-investiment, in-negozju u l-impjiegi. Kwota wkoll stħarriġ ta’ EY li kixef kif ftit inqas minn 90% tal-investituri qed jgħidu li l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhix adwegwata għar-realtajiet tal-lum, b’konġestjoni kontinwa tat-traffiku, problemi fil-provvista tad-dawl, fil-ġbir tal-iskart u problemi fid-drenaġġ.


In-nuqqas ta’ sostenibbiltà qed iħalli impatt qawwi anke fuq il-Maltin, kif ukoll tal-barranin li jgħixu hawnhekk. Semma’ kif, bosta investituri, kbar u żgħar, jesprimu diżappunt għal mod kif żviluppa l-ambjent f’pajjiżna fl-aħħar snin, u jaraw dan bħala fattur li ma jinkoraġġixxihomx jinvestu aktar f’pajjiżna. Fakkar kif Gvern Laburista wassal lill-pajjiżna f’sitwazzjoni diffiċli, f’ċertu oqsma, minkejja li tella’ d-dejn għal-livell inkwetanti ta’ €10 biljun.


Fid-dawl ta’ dan, il-Kelliem għall-Ekonomija fakkar fis-sens tal-insistenza tal-Partit Nazzjonalista favur mudell ekonomiku li jkun wieħed sostenibbli. “Iċ-ċittadin jixraqlu ħafna aħjar. Ekonomija li taħdem għan-nies u mhux politika ekonomika taċ-cheap labour u li saħansitra ħolqot skjavitù modern. Flimkien nistgħu nerġgħu noffru dak in-nifs ġdid li tassew hemm bżonn f’pajjiżna”, żied ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia.


Caruana Cilia insista li l-investiment f’ekonomija sostenibbli u favur l-ambjent naturali huma kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tal-poplu Malti u Għawdxi. “Dan huwa obbligu għall-ġid komuni, għall-ġid u l-benesseri tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri”, kompla jgħid.