Lokali

“Is-settur marittimu huwa pilastru ekonomiku għal pajjiżna” – Bernard Grech

“Is-settur marittimu jrid jingħata aktar importanza għaliex huwa pilastru ekonomiku li jista’ jġib xogħlijiet ta’ kwalità lejn pajjiżna.” Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-Malta Maritime Pilots, it-Tlieta waranofsinhar.

Matul din iż-żjara Bernard Grech iddiskuta wħud mill-isfidi li bħalissa qed jaffaċċja s-settur marittimu, bil-Kap Eżekuttiv tal-Malta Maritime Pilots, Jesmond Mifsud, jisħaq li dan il-qasam intesa mill-Gvern u jeħtieġ li jingħata aktar importanza.

Apparti minn hekk, matul din id-diskussjoni tkellmu wkoll dwar il-fatt li m’hemmx komunikazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet u għalhekk il-ħidma qed tkun aktar diffiċli. Dan apparti li l-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni sabiex iħeġġeġ aktar żgħażagħ jikkunsidraw karriera f’dan is-settur – qasam li jġib miegħu impjiegi ta’ kwalità, b’paga tajba.

F’kummenti ma’ Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li s-settur marittimu jagħti kontribut kbir lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Għall-Partit Nazzjonalista dan il-qasam jibqa’ pilastru ekonomiku ewlieni.

Bernard Grech qal li dan is-settur tant hu importanti għall-pajjiżna li ddedika Shadow Minister għalih; filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex dan is-settur jimxi ‘l quddiem b’viżjoni fit-tul.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo.