Lokali

Jirriżenja l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ftit jiem wara l-inċident fatali ta’ Tas-Sliema

Riżenja oħra li tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern.

Matul il-jum, tħabbar illi l-Kap Eżekuttiv tal-BCA – Jesmond Muscat – irriżenja mit-tmexxija ta’ din l-awtorità; riżenja li waslet ftit tal-jiem biss wara l-mewt ta’ ħaddiem Albaniż f’sit ta’ kostruzzjoni.

Is-Sibt stess, fil-jum li fih seħħ l-inċident fatali f’Tas Sliema, il-BCA kienet qalet li x-xogħol f’dan is-sit kien illegali hekk kif ix-xogħlijiet ma kinux approvati. U x-xogħol sar mingħajr il-permessi meħtieġa.

L-Albaniż li tilef ħajtu f’din it-traġedja huwa Bari Balla li kien ilu Malta sentejn biss. Balla huwa missier ta’ sitt itfal; bl-iżgħar tifel għandu 12-il sena.

Raġel ieħor ta’ 31 sena, li jiġi r-raġel t’oħt il-vittma, ġarrab ġrieħi ħfief fl-istess inċident.

Intant, dwar ir-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-BCA l-Partit Nazzjonalista qal li din hija riżenja oħra li tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-Ministri jibqgħu jaħarbu r-responsabbiltà u jwaħħlu kollox fin-nies li jkunu appuntaw huma stess.

Fi stqarrija, intqal illi l-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed iġorr responsabbiltà politika għal dak li ġara, u insista li ma jistax ikun li min hu responsabbli għal dawn it-traġedji ikun l-istess persuna li twettaq ir-riformi fil-kostruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ insista, bħalma diġà għamel f’mozzjoni li ressaq fil-Parlament iżda li sfortunatament il-Partit Laburista vvota kontriha, li l-Gvern għandu jippreżenta rapport kull xahar lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Inkjesta ‘Jean Paul Sofia’ biex bħala pajjiż nassiguraw li qed isiru r-riformi li hemm bżonn f’dan is-settur.

B’reazzjoni għal din it-traġedja ta’ Tas-Sliema tkellmet ukoll il-General Workers Union illi appellat għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema li għandhom sengħa fil-kapaċitajiet tagħhom flimkien mal-ħtieġa ta’ miżuri aktar b’saħħithom għas-saħħa u s-sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol.