Basketball Sport

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel: Kollox deċiż fil-klassifika b’ġurnata għat-tmiem

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Ir-riżultati ta’ tmiem din il-ġimgħa raw il-klassifika tieħu l-forma finali qabel il-play-offs hekk kif ic-Champions Starlites JSD aċċertaw ruħhom mill-ewwel post fil-waqt li Sigma Depiro ikkonfermaw ukoll ir-raba’ post tal-klassifika. B’hekk fil-play-offs li se jibdew fl-ewwel ta’ Mejju, Starlites jaffrontaw lil Depiro fil-waqt li Mellieħa Libertas Spalding jilgħabu kontra Athleta AtoZ Electronics.

Starlites JSD…………..86

Hibernians…………….84

(24-24)(12-23)(32-18)(13-19)

Ic-Champions Starlites JSD ħadu r-rebħa li kellhom bżonn biex aċċertaw l-ewwel post tal-klassifika u bit-telfa ta’ Hibs u r-rebħa li ħadu Depiro fil-partita ta’ wara jfisser li Hibs issa huma eleminati u Depiro ħadu r-raba’ post tal-klassifika. Starlites kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fil-waqt li għal Hibs reġa’ kien inkluż l-Amerikan Nick Brennen u kien nieqes Billy Zammit. Il-partita fetħet bi trippla ta’ l-istess Brennen bi Starlites jirrispondu bil-punti ta’ Alec Felice Pace u dunk ta’ Kurt James. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma Starlites għamlu break qasir ta’ 9-0 bi trippla ta’ Christian Hinckson. Hibs ukoll wieġbu bi trippla ta’ Luke Farrugia u għal darbtejn għamlu l-iskor indaqs. L-ewwel trippla minn ħamsa ta’ Matthew Attard poġġiet lil Starlites fuq quddiem però Hibs reġgħu irkupraw u s-sessjoni ntemmet f’parita ta’ 24-24. Fit-tieni sessjoni, Starlites marru fuq quddiem bil-punti ta’ Attard u Hinckson. Wara żewġ baskets fuq kull naħa, Hibs kellom tlett trippli minn Farrugia, Paul Attard u Keith Charleston flimkien mal-punti ta’ Brennen biex marru 8 minn fuq 45-37. Starlites naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Davonte Craven u Ian Felice Pace biex fl-intervall Hibs kienu 47-41 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Starlites kellhom bidu qawwi meta għamlu run ta’ 17-4 fejn fost l-oħrajn kellom it-trippli minn Attard flimkien mal-punti ta’ Alec Felice Pace u Hinckson. It-three pointers komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat fekm għal Hibs kien hemm tnejn ta’ Brennen fil-waqt li Starlites kellom tlieta minn Hinckson, Craven u Ian Felice Pace għal skor ta’ 73-65. Fl-ewwel minuti tal-aħħar taqsima Hibs reġgħu naqqsu d-distakk għal basket wara sitt punti mingħajr risposta. Punti minn Hinckson u l-aħwa Felice Pace taw ftit tan-nifs lil Starlits però trippla ta’ Matthew Attard ta’ Hibs bdiet break ta’ 8-2 minn Hibs li b’minuta u 17 -il sekonda mit-tmiem poġġiethom fuq quddiem. L-aħħar 40 sekonda kienu eċitanti fejn wara li James poġġa lil Starlites 82-81 minn fuq, trippla ta’ Attard bi 23 sekonda għat-tmiem poġġiet lil Hibs minn fuq. Wara time-out, kien Alec Felice Pace fl-aħħar 15 -il sekonda għamel trippla għal vantaġġ ta’ Starlites 85-84. Hibs ma rnexxielhomx isibu l-basket fl-attakk ta’ wara u free-throw ieħor ta’ James għalaq il-partita fuq skor finali ta’ 86-84.

Starlites JSD: A. Felice Pace 15, C. Hinkson 19, M. Attard 21, S. Aquilina, I. Felice Pace 5, M. Fabri, K. Fabri, M. Scerri, D. Craven 14, L. Farrugia 1, N. Sultana, K. James 11.

Hibernians: K. Charleston 16, P. Attard 5, L. Attard, L. Farrugia 9, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard 10, I. Demcesen 17, N. Brennen 27, S. Simic.

Referees: Gordon Barbara, Nestor Rincon, Nicky Azzopardi.

Valletta Fighters……………………….36

Athleta AtoZ Electronics………..101

(2-25)(3-31)(15-25)(16-20)

F’partita mingħajr ebda storja, Athleta AtoZ Electronics għelbu lil Valletta Fighters 101-36. Għall-Athleta din kienet l-aħħar partita fl-ewwel fażi u issa jistennew il-bidu tal-play-offs u s-semi-finali tagħhom kontra Mellieħa. Għal Valletta, l-istaġun tad-debutt tagħhom qiegħed joqrob lejn it-tmiem u għad-diriġenti tagħhom hemm ħafna xogħol xi jsir biex jerġgħu jippreżentaw ruħhom l-istaġun li ġej. Huma kellhom diversi players nieqsa bħal Andy Attard, Ruben Curmi, Neil Cassar u Ulhas Satyanarayan tant li kellom jirrikoru għal xi players ġodda bħal Francesco Orifici, Delano Covarrcubis u Daniel Massa. Minn naħa l-oħra, nota posittiva għat-team tal-Athleta kien ir-ritorn tal-Amerikan Dajuan Moorer wara li tilef diversi partiti u se jkun arma oħra għat-team ta’ Christos Kousidis.

Ftit li xejn hemm x’jintqal fuq il-partita li bdiet b’dominju totali minn Athleta fl-ewwel sessjoni fejn ħallew lil Valletta fuq basket wieħed biss minn Matthew Farrugia. Athleta kellhom diversi punti minn players differenti fosthom 4 baskets minn Malik Riddle għal skor ta’ 25-2. It-tieni taqsima fetħet bi break ieħor ta’ 19-0 minn Athleta fejn kien hemm żewġ trippli ta’ Moorer. Wara li Valletta għamlu 3 punti, Athleta kellom 11 -il punt mingħajr risposta għal skor ta’ 56-5.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess għalkemm Valletta kellhom żewġ trippli minn Covarrcubis u Sassoun Saakian. Il-coach Kousidis kompla jdawwar il-players fuq il-court u Athleta kellhom run oħra ta’ 10-1 bi trippla ta’ Moorer. Fl-aħħar sessjoni Athleta kellhom il-punti taż-żagħżugħ Krusamri Fabri u għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Luca Borg hekk kif huma rebħu l-partita 101-36.

Valletta Fighters: F, Orifici, N. Da Silva 4, S. Saakian 5, D. Covarrcubis 9, M. Farrugia 4, F. Lisondra 10, D. Massa 4.

Athleta: K. Fabri 7, M. Riddle 15, F. Mifsud Bonnici 2, N. Buhagiar 7, D. Moorer 15, M. Gouder 10, L. Borg 6, E. Abela 6, P. Stelmach 13, T. Chatzimoysis 7, A. Garzia 2, J. Cefai 11.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Gianfranco Russo.

Sigma Depiro……………87

Luxol…………………………55

(18-19)(16-9)(32-17)(23-10)

Konxji mir-riżultat ta’ Hibs fl-ewwel partita, Sigma Depiro ħarġu biex jieħdu r-rebħa minn din il-partita li kienet tfisser post garantit mal-ewwel erbgħa u allura semi-finali tal-play-offs. Luxol offrew reżistenza speċjalment fl-ewwel sessjoni però wara l-halftime Depiro ħadu l-partita f’idejhom u ħadu r-rebħa li kellom bżonn. Il-partita kella bidu bilanċjat u wara trippla fuq kull naħa minn Jean Paul Schembri għal Luxol u Miguel Brincat kien hemm parita ta’ 11-11. Punti minn Marco Matijevic poġġew lil Luxol fuq quddiem però Depiro wieġbu permezz ta’ Kameron Rooks u Cameron Cornelius biex marru fuq quddiem 18-16. Is-sessjoni għalqet bi trippla minn Adam Azzopardi għal Luxol għal skor ta’ 18-19. It-tieni taqsima fetħet bi break ta’ 11-2 minn Depiro b’punti minn Nikola Bozovic, Andrew Aquilina u Alfred Hollins. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Nathan Xuereb u Jean Paul Schembri però Depiro għalqu bi trippla ta’ Bozovic għal skor ta’ 34-28.

Luxol fetħu t-tielet taqsima bi trippla ta’ Nikola Jovanovic però Depiro malajr irrispondew bi break ta’ 8-2 biex kabbru l-vantaġġ għal 9 punti 42-33. Hawn Depiro kellhom sensiela ta’ trippli minn Sean Galea, Aquilina, Cornelius u marru 17 minn fuq 60-43. Wara punti minn Xuereb għal Luxol, Depiro kellhom sitt punti oħra għal skor ta’ 66-45. Depiro aċċertaw ruħhom mir-rebħa fl-aħħar sessjoni meta kellhom run ta’ 15-0 bi trippli minn Nicholas Grech, Micheal Debattista u Aquilina biex fetħu vantaġġ ta’ 34 punt 83-49. Luxol kellhom il-punti ta’ Adam Azzopardi però Depiro kienu komdi bid-distakk li kellom u setgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 87-55.

SIGMA Depiro: S, Galea 8, L. Trapani, N. Bozovic 7, A. Aquilina 10, N. Grech 3, A. Hollins 14, K. Rooks 21, M. Brincat 9, M. Mallia, C. Cornelius 10, N. Bukva 2, M. Debattista 3.

Luxol: M. Sciberras, S. Pace, I. Azzopardi 3, N. Jovanovic 3, A. Azzopardi 9, JP Schembri 5, N. Xuereb 14, M. Matijevic 21, S. Cappello.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi.