Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa Caffè Moak: Luxol itemmu l-ewwel fażi b’rebħa fuq ic-Champions

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD……………..67

Caffè Moak Luxol……..71

(12-16)(10-21)(20-19)(25-15)

Caffè Moak Luxol temmew l-impenji tagħhom fl-ewwel fażi tal-kampjonat b’rebħa kontra c-Champions Starlites JSD u issa jistennew l-avversarji tagħhom fis-semifinali. Dan ikun magħruf fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla wara l-konfront bejn Starlites u Depiro. Starlites kienu mingħajr Michela Zammit Cordina fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Ella Abela u Sarah Fenech Pace. L-Amerikana ta’ Luxol kellha wirja mill-aqwa b’39 punt, 18 -il rebound, 7 assists u 9 steals. Għal Starlites Paige Cannon spiċċat b’31 punt fil-waqt li sofriet 10 fouls. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn wara li Starlites għamlu l-ewwel punti minn Cannon, iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin għal skor ta’ 8-9. Luxol kellhom break qasir ta’ 7-2 li però kien biżżejjed għalijom biex itemmu l-ewwel taqsima minn fuq 16-12. Luxol bdew it-tieni perjodu b’run ta’ 12-2 b’punti minn Anna Fenech Pace, Nolene Vella u Mandi Mercieca. Wara risposta minn Starlites fosthom bi trippla ta’ Steffi De Martino, Luxol wieġbu bi 8 punti minn Bennett fosthom żewġ trippli biex daħlu jistrieħu 37-22 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol kabbru l-vantaġġ b’żewġ baskets minn Bennet u Josephine Diaby qabel ma Cannon wieġbet għal Starlites b’5 punti konsekuttivi flimkien ma’ trippla ta’ De Martino. Starlites komplew jitħabtu biex inaqqsu d-distakk tant li Santino Coppa kien kostrett jieħu żewġ time-outs hekk kif punti minn Andie Saliba u żewġ trippli ta’ Cannon raw id-distakk jinżel għal 10 punti 42-52. Luxol għalqu l-perjodu bil-punti ta’ Fenech Pace u Bennett għal skor ta’ 42-56. Fl-aħħar sessjoni wara li Luxol kabbru l-vantaġġ għal 16 -il punt 64-48. Starlites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 12-0 bil-punti ta’ Maria Bonnett u Cannon. Starlites saħansitra waslu sa’ basket ‘l bogħod 65-67 fl-aħħar 24 sekonda. Starlites bdew iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Luxol ma żbaljawx il-free-throws biex ħarġu rebbieħa 71-67.

Starlites JSD: M. Riolo 4, A. Saliba 11, M. Fenech, M. Bonett 8, S. De Martino 9, P. Cannon 31, P. Riolo, C. Cilia, M. Sciberras, C. Curmi 4.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 39, M. Mercieca 2, L. Fenech Pace 3, H. Galea, N. Vella 4, M. Camilleri, J. Diaby 11, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia 2, A. Fenech Pace 10.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Daniel Farrugia

Hibernians………………50

Depiro…………………….92

(6-34)(14-21)(16-28)(15-9)

Depiro qabżu fl-ewwel post tal-klassifika b’rebħa fuq Hibernians 92-50 u l-konfront dirett kontra Starlites tal-ġimgħa d-dieħla se jiddetermina jekk jispiċċawx fl-ewwel post li jfisser kwalifikazzjoni diretta fil-finali. L-ewwel sessjoni kienet dominju assolut ta’ Depiro li bdew mal-ewwel b’run ta’ 10-0 b’żewġ trippli minn Julia Xerri u Kristy Galea. Hibs kellhom free-throw minn Julija Dabic iżda għall-kumplament tat-taqsima Depiro ddominaw b’24 punt mingħajr risposta. Fost l-oħrajn kien hemm żewġ trippli oħra ta’ Galea flimkien mal-punti minn Sophie Abela, Claire Ciantar, Jose Ann Johnson u Julia Borg fost l-oħrajn. Kien hawn li Hibs għamlu 5 punti oħra bi trippla ta’ Marie Buhagiar u basket minn Lyndsey Whilby għal skor ta’ 34-6. Depiro bdew it-tieni perjodu bi break ta’ 13-0 b’punti minn Xerri u Ciantar. Hawn Hibs għamlu run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Kaya Calleja u punti minn Dabic però Depiro għalqu s-sessjoni b’sitt punti oħra għal skor ta’ 55-19.

Fit-tielet sessjoni l-andament tal-partita baqa’ l-istess fejn fost l-oħrajn kien hemm break ta’ 15-2 minn Depiro fosthom trippla ta’ Borg. Hibs għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Eliza Farrugia, u trippla oħra ta’ Calleja għal skor ta’ 35-83. Fl-aħħar partita l-punti naqsu u kien hemm fost l-oħrajn żewġ trippli minn Jasmine Abela għal Hibs u l-punti ta’ Johnson għal Depiro li finalment ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 92-50.

Hibernians: M. Buhagiar 5, E. Farrugia 7, F.Fabok 6, L. Whilby 5, J. Abela 3, B. Agius, K. Calleja 8, J. Gauci, J. Dabic 9, M. Mendez 4.

Depiro: S. Abela 6, J. Xerri 14, J. Mallia 2, L. Sciberras 4, C. Ciantar 10, K. Fenech Ishmael, J. Borg 12, J. Johnson 18, M. Micallef 3, N. Borg 3, K. Galea 15, L. Camilleri 5.

Referees: Nelson Da Silva, Miguel De Flavia.