Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar hija responsabbli għall-fatt li Malta tilfet is-sbuħija tagħha

L-Awtorità tal-Ippjanar spiċċat ballun politiku u hija wkoll ir-raġuni għalfejn Malta spiċċat tilfet l-estetika tagħha.

Hekk iddikjara Patrick Calleja li qed isservi bħala l-President ta’ ‘Din l-Art Ħelwa’, wara li waqaf jaħdem bħala perit hekk kif dan l-impjieg li jinvolvi komunikazzjoni diretta mal-Awtorità tal-Ippjanar, kien qed joħloqlu frustrazzjoni kbira.

F’kummenti li ta lil ġurnal Times of Malta, il-Perit Calleja żvela li kien hemm każijiet fejn żviluppaturi kienu ġew imwiegħda permess meta l-applikazzjoni għal maisonettes lanqas biss kienet proċessata.

Calleja tkellem ukoll dwar kif il-Belt Valetta spiċċat tilfet l-aspett kulturali tagħha, fejn l-ispazji pubbliċi spiċċaw ittieħdu illegalment; waqt li l-mużika għolja qed titħalla tindaqq tard ħafna – f’post li huwa sit storiku tal-UNESCO.

Anke l-PN ilu żmien twil jitkellem dwar dan l-abbuż, iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu. Tant li nħoloq inkonvenjent kemm għar-residenti kif ukoll għall-istabbilimenti nfushom.

Dwar il-kontroversja tat-tqaċċit tas-siġar f’Marsalforn, il-Perit Calleja qal li bħala President ta’ Din l-Art Ħelwa se jkun qed jaħdem biex dan l-isfreġju ma jseħħx – u ddeskriva din il-proposta bħala kriminali, bla użu u ħela ta’ flus.

Patrick Calleja spejga wkoll li fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna hemm miktub li l-Istat għandu jipproteġi l-wirt kulturali u l-patrimonju artistiku – però dan mhux qed iseħħ, hekk kif numru ta’ NGO’s kellhom jispiċċaw jagħmlu dan ix-xogħol.