Il-biża’ li konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex taf twassal għal żvilupp mhux sostenibbli f’Għawdex turi li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna mhux jagħmlu biżżejjed biex jipproteġu lil pajjiżna minn żvilupp eċċessiv.
Hekk stqarr l-Editorjal tal-Malta Indipendent fil-ħarġa tat-Tlieta li ffoka fuq il-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli. Dan minkejja li fil-prattika l-liġijiet ta’ pajjiżna qed iwasslu għal falliment assolut minn dan l-aspett. Għalhekk irridu noqogħdu attenti li ma nitilfux l-elementi uniċi tal-gżira Għawdxija kif fil-fatt ġara f’diversi lokalitajiet f’Malta.
Minkejja dan l-element ta’ biża’ flimkien ma’ fatturi oħra fosthom finanzjarji, ma jfissirx li kollox għandu jibqa’ l-istess għal dawk li jkunu jridu jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex.
Daniel Borg, il-Kap Ezekuttiv tal-Gozo Business Chamber, f’intervista ma’ dan l-istess ġurnal spjega li konnettività aħjar bejn iż-żewġ gzejjer hija essenzjali u jekk il-proposta ta’ link permanenti se titħalla fuq l-ixkaffa, allura għandu jsir investiment b’saħħtu fuq il-vapuri.
Dan l-investiment għandu jkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti biex ikun hemm inqas dewmien fit-traġitt.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber saħaq li kull bastiment li jiżdied mal-flotta ta’ trasport bejn Malta u Għawdex għandu jkun wieħed aċċessibbli għal kulħadd u li jilħaq il-kriterji neċessarji biex il-vapuri ma jkunux ta’ dannu għall- ambjent. Aċċenna wkoll għall-fatt li għandu jsir investiment fil-portijiet kemm tal-Imġarr kif ukoll taċ-Ċirkewwa – kif għamlu l-aħħar gvernijiet Nazzjonalisti.
L-editorjal temm billi stqarr li l-Gvern għandu jagħmel aktar biex jinċentiva n-negozju f’Għawdex, u biex jiżdied it-turiżmu sostenibbli f’din il-Gżira, li fl-aħħar mill-aħħar tiddependi kompletament mill-konnettività bejn Malta u Għawdex.
//= $special ?>