Lokali

AĠĠORNATA: Iweġġa’ gravi wara li ttajjar minn karozza fil-Furjana

Raġel mill-Pakistan ta’ 29 sena weġġa’ gravi wara li ttajjar minn karozza fil-Furjana.

L-inċident seħħ it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tal-11:30 fi Triq l-Indipendenza.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjoni li saret irriżulta li raġel mill-Pakistan ta’ 29 sena ttajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 23 sena residenti l-Kalkara.

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti, dan filwaqt li ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Għal xi ħin is-sewwieqa ntalbu sabiex jevitaw iz-zona kaġun tat-traffiku li nġema’, dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.