Lokali Parlament

Proposta għal task force biex ikunu salvati l-ħajjiet mis-suwiċidji


Albert Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ippropona fil-Parlament li titwaqqaf task-force b’esperti minn diversi setturi biex ikunu slavati l-ħajjiet ta’ persuni li jkunu qed jikkunsidraw suwiċidju.


Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-Parlament, Albert Buttigieg tkellem dwar is-suwiċidji u qal li minbarra dawk li jwettqu s-suwiċidju, dejjem ikun hemm oħrajn li għax għaddejjin minn perjodu diffiċli, jitħajru jaħsbu li din hi s-soluzzjoni għall-ħajja tagħhom. Hu qal li jrid ikun enfasizzat li s-swiċidju mhuwiex soluzzjoni u hu ta’ inkwiet li qed jinstemgħu diversi każi li qed iseħħu.


Jirriżulta li fl-2021 kien hemm 34 persuna li għamlu suwiċidju tal età bejn l-14 u t-73 sena. Minnhom, sitta kienu taħt il-25 sena u tlieta minnhom kienu ‘l fuq minn 65 sena.


Fl-2002 kien demm 22 każ u s-sena li għaddiet kien hemm 27 persuna li għamlu suwiċidju. Fl-2023 kien hemm 27 każ ta’ suwiċidju u 126 persuna li għamlu attentat ta’ suwiċidju, waqt li sa Marzu 2024 kien hawn hawn erba’ persuni li għamlu suwiċidji. Il-maġġoranza tal-każi huma rġiel għaliex jidher li huma iktar vulenerabbli.


Id-deputat Nazzjonalista qal li jista’ jkun hemm iktar nies li għamlu suwiċidji iżda li jkun hemm kawża oħra ta’ mewt. Kien hemm diversi persuni oħra li pprovaw jagħmlu suwiċidju iżda ma rnexxielhomx jagħmluh u allura l-każi ma kinux rappurtati. Kien hemm ukoll numru ta’ żgħażagħ li weġġgħu lilhom infushom apposta.


Hu tkellem dwar ir-raġunijiet li jwasslu lill-bniedem biex jagħmel suwiċidju u qal li l-PN għamel talba lill-Kumitat tas-Saħħa u l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali biex issir diskussjoni matura dwar din is-sitwazzjoni.
Il-PN qed jipproponi task force magħmula minn esperti u professjonisti bħal psikjatri, psikologi, edukaturi u persuni mill-aspett legali biex flimkien jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal pjan ta’ azzjoni li jieħu ħsieb il-prevenzjoni u kura lill-persuna li jinsabu f’riskju.