Lokali

“Riżenja oħra li tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni” – PN

Il-Ministri jibqgħu jaħarbu r-responsabbiltà u jwaħħlu kollox fin-nies li jkunu appuntaw huma stess.

Hekk saħħaq Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, hekk kif kompla jgħid li tlett ijiem wara li rajna traġedja oħra relatata mas-settur tal-kostruzzjoni, fejn rajna lill-awtoritajiet jammettu li m’għamlux xogħolhom biex jinfurzaw il-liġijiet, illum ħarġet l-aħbar li rriżenja ċ-Chairperson tal-BCA. Għal darb’oħra, qed naraw lill-Gvern ta’ Robert Abela jwaħħal kollox fin-nies li appunta hu stess mingħajr ma tittieħed l-ebda responsabbiltà politika għal dak li ġara.

Fl-istqarrija Zammit f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li min hu responsabbli politikament għat-traġedji li qed jiġru bla ma jagħmel xejn biex isiru r-riformi, ma jistax ikun hu stess li jwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.

Evidentament, mir-rapport li ħareġ mill-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, Robert Abela ma għamel assolutament xejn ħlief li kkonsulta biss miegħu nnifsu, ħaseb kif se jżid l-ispejjeż u l-ħela ta’ ħin u jkompli jagħmel ‘musical chairs’ mingħajr ma jagħmel ir-riformi tant meħtieġa għas-settur, għall-ħaddiema u għar-residenti li jmissu ma’ proġetti ta’ kostruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti, bħalma diġà għamel f’mozzjoni li ressaq fil-Parlament iżda li sfortunatament il-Partit Laburista vvota kontriha, li l-Gvern għandu jippreżenta rapport kull xahar lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika biex bħala pajjiż nassiguraw li qed isiru r-riformi li hemm bżonn.