Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq serq ta’ ġiżirina bi vjolenza f’latrina

Clyde Bonavia ta’ 39 sena minn Bormla, ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li seraq ġiżirana minn fuq mara fil-latrina li tinsab viċin Bieb il-Belt. Ir-raġel instab ħati ta’ serq aggravat bi vjolenza.

Il-każ imur lura għal Lulju tal-2014. Ir-raġel kien mixli li seraq u weġġa’ ħafif mara. Kien akkużat ukoll li għamel dan ir-reat waqt perjodu ta’ probation u li sar riċediv. Fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li kienet qed taħdem fil-latrina tal-Belt meta mar fuqha l-akkużat u ħadilha l-ġiżirana li valur tagħha huwa ta’ elf ewro.

Qalet li bdiet tissara miegħu u tgħajjat għall-ajjut. Spjegat li kellu kartuna biex jgħatti wiċċu iżda rnexxielha ttajjarielu. Kompliet tgħid li ġibdilha l-ġiżirana u għalhekk kellha xi ġrieħi f’għonqha. Il-Qorti qalet li l-proċeduri twalu ħafna għax għal xi żmien ma setax jinstab Bonavia.

Innotat kif quddiemha kellha biss il-verżjoni tal-allegata vittma, u li din identifikat lill-imputat peress li kienet tafu. Qalet li min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha. Spjegat li kulma ġie pprovat huwa fejn saret is-serqa, u li s-serqa seħħet mill-imputat skont il-vittma.

Id-difiża qalet li qatt ma xejnet din il-verżjoni. Innotat kif skont iċ-ċertifikat mediku, is-serqa seħħet bi vjolenza. Il-Qorti qalet li madankollu ma ġiex ipprovat il-valur tas-serqa u għalhekk ir-raġel se jinstab ħati biss ta’ serq sempliċi aggravat bi vjolenza. Dwar l-akkużi l-oħra ġie illiberat minħabba nuqqas ta’ provi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.