Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li refa’ jdejh fuq ommu

Raġel ta’ 46 sena, residenti Ħal Lija li għandu problema kbira ta’ abbuż mid-droga, ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li weġġa’ ħafif lil ommu, anzjana ta’ 80 sena. L-imputat qal lill-Maġistrat Monica Vella li kienet qed tisma’ l-każ – “nammetti u jiddispjaċini ħafna ħafna li erfajt idi fuq ommi.”

Ħareġ fil-Qorti li r-raġel ilu xahrejn l-Isptar Monte Carmeli fuq tossikodipendenza, filwaqt li l-ġenituri tiegħu ma jriduhx id-dar fejn kien jgħix magħhom għax jibżgħu minnu.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar, qalet li r-raġel kien arrestat fuq il-post tar-residenza u ntbagħat Monte Carmeli b’mandat li baqa’ jiġġedded. Kien fil-jum tat-Tlieta li l-psikjatra tat il-permess li jista’ jitressaq il-Qorti.

Ir-raġel ammetta li fis-16 ta’ Frar li għadda u fix-xhur ta’ qabel, uża vjolenza morali fil-konfront ta’ ommu li għandha 80 sena, li kkaġuna biża’ u li se tintuża’ vjolenza fil-konfront tagħha, li ta fastidju meta kien qed jgħix fl-istess residenza tagħha, li inġurjaha, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha u dan kollu meta kien jaf li l-persuna hi waħda anzjana.

Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna biża’ fuq il-ġenituri tiegħu. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex toħroġ ordni ta’ trattament u trażżin favur il-ġenituri, u ordni ta’ trattament minħabba abbuż mid-droga.

Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Ingrid Zammit Young filwaqt li l-Avukat Edward Gatt deher għall-vittmi.