Lokali

SERQA OĦRA: Żewġ ħallelin armati jwettqu hold-up mil-lukanda Windsor

Net News jista’ jikkonferma li matul il-lejl li għadda, receptionist f’luklanda f’Tas-Sliema spiċċa mhedded b’pistola minn żewġ ħallelin li daħlu fuqu għall-flus.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li dan il-hold-up seħħ għall-ħabta ta’ 11:45pm.

Sorsi oħra li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li l-persuna li kien mar-reception spiċċa b’arma tan-nar ma’ rasu, bil-ħallelin jeħduh fis-7 sular sabiex jingħataw flus kontanti. Sa issa għadu mhux ċar kemm insterqu flus jew oġġetti oħra waqt dan il-hold-up.

Il-ħallelin għadhom qed jiġu mfittxija mill-Pulizija.

Uffiċċjali mill-għassa ta’ Tas-Sliema qed jinvestigaw cameras tas-CCTV.

Stqarrija tal-Pulizija

Minn stħarriġ preliminari li sar jirriżulta li żewġ persuni, lebsin crash helmet u allegatament wieħed minnhom kien armat b’arma tan-nar, daħlu fil-lukanda u talbu l-flus lill-impjegat, Indjan ta’ 29 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Wara li tahom ammont ta’ flus kontanti li kien hemm fir-reception, il-ħallellin ordnaw lill-impjegat sabiex jeħodhom fis-sular fejn jinżammu l-flus, filwaqt li bdew li jhedduh bl-arma tan-nar. Kif kienu sejrin f’dan is-sular, ir-raġel irnexxielu jaħrab, issakkar f’kamra u ċempel għall-għajnuna.

L-allegat ħallelin, kif raw hekk ħarbu minn fuq il-post bil-flus li kienu serqu mir-reception.

L-impjegat sofra minn xokk qawwi.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.