Fi stqarrija maħruġa it-Tlieta filgħodu, Birdlife Malta, qalu li l-Ħadd filgħodu, uffiċjali tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija ġew imsejħa biex jinvestigaw inċident li fih kaċċatur kien osservat minn wieħed mit-timijiet tal-kamp Spring Watch ta’ BirdLife Malta, jispara fuq, u jiġbor Gamiema tal-Kullar protetta fil-limiti ta’ Marsaskala.
Il-kaċċatur inqabad fil-fatt u għandu jitressaq il-Qorti, li jfisser ukoll li l-liċenzja tal-kaċċa ta’ dan il-kaċċatur tiġi revokata għall-kumplament tal-istaġun.
Waqt li l-Pulizija kienu qed ifittxu fl-inħawi għal aktar vittmi tal-kaċċa, instabu wkoll numru ta’ Diżżijiet maqtula. Ftit wara, l-uffiċjali skoprew ukoll gaġġa li maqbudin fiha kien hemm total ta’ 21 Gamiema u Gamiema tal-Kullar. Dawn l-għasafar ġew ikkonfiskati u mgħoddija lil BirdLife Malta għar-riabilitazzjoni.
Dawn l-għasafar probabbli kienu destinati biex jintużaw bħala għasafar tat-taħrik biex jattiraw oħrajn bħalhom, jew inkella għat-trobbija fil-magħluq. Issa, wara li jingħataw il-kura meħtieġa, l-għasafar li jkunu b’saħħithom biżżejjed jistgħu jerġgħu jinħelsu fin-natura. Dan mistenni jsir wara li jkun għalaq l-istaġun tal-kaċċa għal din l-ispeċi vulnerabbli.
//= $special ?>