Internazzjonali

Stati Uniti: Dimostrazzjonijiet kontra l-gwerra f’Gaza… fost l-inċidenti antisemitiċi fil-kumplessi tal-università

Il-Pulizija Amerikana kellha twieġeb b’urġenza biex trażżan l-inkwiet waqt sensiela ta’ dimostrazzjonijiet ta’ protesta dwar il-gwerra ta’  Gaza u li qed jinfirxu madwar l-universitajiet tal-pajjiż.

Saru l-għexieren tal-arresti wara l-interventi tal-Pulizija fuq il-kampus tal-Università ta’ New York u fl-Università ta’ Yale. Dan waqt li l-awtoritajiet fl-Università ta’ Columbia ddeċidew biex iħassru l-lectures għall-istudenti minħabba l-livell għoli ta’ tensjoni.

Il-mewġa tad-dimostrazzjonijiet kienet imtappna b’numru ta’ inċidenti antisemitiċi li qanqlu l-kundanna tal-uffiċjali tal-White House, f’Washington.

Mindu t-terroristi tal-Ħamas wettqu l-massakri, storiċi f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru, il-kampus tal-universitajiet fl-Istati Uniti saru ħuġġieġa waħda ta’ dimostrazzjonijiet dominati bid-diskorsi u dibattiti  mqanqlin. Dan  fost livell ta’ anomosità allarmanti bejn l-istudenti li jappoġġjaw lil Iżrael u oħrajn favur il-Palestinjani.

Fl-aħħar xhur kienet anki rappurtata żieda fl-inċidenti antisemitiċi flimkien ma’ żieda fis-sentimenti u espressjonijiet ta’ ‘Islamofobija’ fost l-istudenti.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden ikkundanna l-protesti antisemitiċi flimkien mal-aġir ‘tad-dimostranti kollha li ma jifhmux tassew fil-kwistjoni tal-Palestinjani’.

Intant, saru wkoll rallies kontra l-gwerra f’Gaza f’universitajiet oħra, bil-gruppi tad-dimostranti jokkupaw zoni fl-Università ta’ Kalifornja f’Berkeley, minbarra zoni oħrajn fl-Istitut tat-Teknoloġija ta’ Massachusetts; Emerson College u l-Università ta’ Michigan.