Lokali

Tifel ta’ 5 snin fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza fin-Naxxar

Tifel ta’ 5 snin jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li ntlaqat minn vettura fin-Naxxar.

L-inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tas-6:30pm, fi Triq Leli Falzon.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li t-tifel intlaqat minn Chevrolet Cruze li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 52 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex.

Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie
ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.