Lokali Qorti

Xogħol fil-komunità u probation wara li ġiegħel sebat iklieb isofru

Raġel ta’ 28 sena mill-Ħamrun ġie kkundannat għal perjodu ta’ tliet snin probation u 60 siegħa ta’ xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li abbanduna u ġiegħel sebta iklieb isofru minn uġigħ. Karl Lewis Cardona nstab ħati li fl-2019 ġiegħel lill-klieb isofru minn uġigħ, dwejjaq u tbatija meta abbandunahom, naqas li jieħu ħsiebhom bħala l-persuna responsabbli tagħhom u naqas milli jiċċippjahom biex ikunu identifikati.

Fil-bidu, ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih, iżda f’Ottubru tas-sena l-oħra, hu informa lill-Qorti li kien se jibdel id-deċiżjoni tiegħu għal dik ta’ ħati. Filwaqt li l-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, li ma kinitx waħda fi stadju bikri, semmiet li r-raġel kien ikkundannat għal reat ieħor maż-żamma tas-sanità f’daru, liema reat twettaq fl-istess żmien tal-abbandun tal-klieb.

L-uffiċjal tal-probation li kienet qed tassisti lir-raġel, qalet li hu kien qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali meta wettaq dan ir-reat u li l-professjonisti mediċi jinsabu sodisfatti li qed jindirizzahom. Ħareġ ukoll li Cardona neħħa l-annimali kollha li kellu miegħu.

Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih fuq ammissjoni tiegħu stess, u li kien il-persuna li kien responsabbli minnhom ma ħax ħsiebhom kif xieraq. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, il-prosekuzzjoni spjegat li l-klieb instabu fl-imsemmi stat f’residenza fil-Ħamrun, fis-16 ta’ Awwissu tal-2019.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea.