Lokali Qorti

Żewġt irġiel jiċħdu li taw in-nar residenza

Żewġt irġiel, wieħed minnhom b’marka ta’ ħarqa fuq imnieħru verament viżibbli, it-Tlieta wieġbu mhux ħatja li volontarjament taw in-nar fi proprjetà f’Ħal Tarxien u sensiela ta’ akkużi oħra. L-inċident seħħ bejn nofs il-lejl u l-4am tal-15 ta’ April.

Manuel Abela ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar u Spiridione Costa ta’ 59 sena minn Raħal Ġdid, it-tnejn jinsabu bla xogħol, tressqu l-Qorti u akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u li kisru l-paċi pubblika.

Abela kien mixli separatament li rema’ żibel f’post pubbliku. Costa kien akkużat separatament b’sewqan imprudenti u perikoluż, li għadda minn sinjal ta’ ebda dħul (‘one way’) u li għex ħajja inattiva, dik ta’ vagabond. It-tnejn ġew akkużati wkoll li huma reċedivi.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna spjega li filmati tas-CCTV mix-xena tad-delitt, urew raġel jersaq lejn ir-residenza b’borża kbira. Aktar tard instab tyre maħruq fuq il-post. Is-suspettat ta n-nar lill-bieb u mbagħad daħal f’karozza u ħarab.

Aktar filmati segwew il-karozza f’Raħal Ġdid fejn żewġ persuni niżlu u daħlu f’dar. Il-Pulizija ċċekkjaw filmati li wrew liż-żewġ suspettati ħerġin mir-residenza, b’wiċċhom jidher ċarissmu. Mal-arrest, Abela kellu ferita fuq l-imnieħer li tabib ikkonferma li hija marka ta’ ħruq, u b’hekk kompliet isaħħaħ is-suspetti tal-prosekuzzjoni.

L-avukat tal-AĠ Joseph Camilleri Azarov mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna.