Lokali

“Għamluli vendikazzjoni politika oħra, u din hija inkwetanti għall-ħaddiema kollha”

“Għamluli vendikazzjoni politika oħra…u din hija inkwetanti għall-ħaddiema kollha…speċjalment lejliet Jum il-Ħaddiem.”

Dan kien kliem Norman Vella l-eks producer u preżentatur ta’ TVHemm u eks producer ta’ Xarabank u Bijografiji fuq Television Malta wara li l-Erbgħa filgħodu kellha tinqata’ s-sentenza mill-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fil-każ ta’ Norman Vella kontra l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar – għaliex tneħħa mill-PBS b’diskriminazzjoni politika.

Sentenza li ma ngħatetx, minkejja li skont it-tmexxija tal-Kummissjoni hija waħda lesta, kaġun tal-u-turn li għamel l-avukat Pawlu Lia, li hu l-avukat tal-Prim Ministru. Jrriżulta li fl-10 u t-12 ta’ April tal-2024, l-Avukat Lia aċċetta li tingħata s-sentenza minkejja li membru tal-bord kellu jkun assenti fil-Qorti waqt is-sentenza, iżda l-Erbgħa waqt is-seduta fil-qorti, ftit minuti qabel kienet se tingħata s-sentenza, iddeċieda li ma jaqbilx.

Norman Vella stqarr li dan huwa insult fuq il-ġurnalisti.

Dan kollu qed iseħħ wara li ftit xhur wara l-elezzjonji ġenerali tal-2013 propju fl-1 ta’ Lulju, Norman Vella kien intbagħat jaħdem l-ajruport ta’ Malta bħala Border Control Officer, wara li temmewlu l-impjieg tiegħu bħala produttur u preżentatur fi ħdan ix-xandir nazzjonali. Hu kien ressaq rikors kontra l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, fejn talab lill-Kummissjoni Dwar l-impjiegi biex tiddikjara t-tneħħija tiegħu mill-PBS bħala waħda ta’ diskriminazzjoni politika.

Fil-kawża ta’ libell fil-Qorti – ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale – wara li f’xhieda ta’ John Bundy, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-PBS, irriżulta li Silvio Scerri – dak iż-żmien Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali – kien personalment intervjena biex jiġi żgurat li Norman Vella jitneħħa mill-PBS biex jintbagħat jaħdem l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala Border Control Officer . Xhieda li skont il-Qorti kienet waħda kkorraborata minn dokumentazzjoni filwaqt li kienet ikkonfermata ukoll minn xhieda fil-Qorti minn Kevin Mahoney, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali li kkonferma li dwar it-tneħħija ta’ Norman Vella talab, ingħata u ħa direzzjoni politika.

Wara dan kollu, f’Lulju tal-2013, l-Uffiċju tal-Prim Ministru kien iddikjara li Vella tneħħa mill-PBS għaliex il-programm TVHemm ma kienx ħa jkompli fix-xhur tas-sajf, iżda quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi kienet ġiet ippreżentata ittra li fiha jingħad li Vella kellu jitneħħa mill-PBS għaliex huwa essenzjali għas-sezzjoni tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport, fejn Kurt Farrugia, xehed li kienu ħadu żball fl-ewwel raġuni.

Intant, din is-stiwazzjoni tiġi kollha wara li f’dan l-istess każ, Vella kien xehed kif qabel l-elezzjoni tal-2013 – Joseph Muscat li sa qabel l-elezzjoni kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni, kien heddu li “għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista, jien se nagħtikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa’”. Theddida illi kienet ikkonfermata quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fix-xhieda tal-Eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u tal-preżentatur Peppi Azzopardi….tnejn li kienu preżenti meta Muscat hedded lil Vella. B’Vella jistqarr illi din it-theddida wettaqa għaliex ma aċċettax li jkun ġurnalist b’xi ħadd jiġbidlu l-ispaga.

Bis-sitwazzjoni tiggrava meta ftit jiem wara li beda l-każ quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, propju fis-27 ta’ Ottubru tal-2013, Norman Vella ġie arrestat mill-pulizija waqt li kien qiegħed jaħdem fl-ajruport ta’ Malta, bl-akkuża li ħa ritratt lil Kurt Farrugia u lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard huma u jħallu l-pajjiżna, u bagħtu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ritratt, li ma jeżistix.

Intant, f’sentenza mogħtija milll-Maġistat Dr Marse-Ann Farrugia, ingħad illi Norman Vella ġie arrestat mingħajr ma kien hemm suspett raġjonevoli li seta’ kkommetta reat.

L-avukat tal-Prim Ministru Pawlu Lia deher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat filwaqt li l-avukati Andrew Borg Cardona u Karol Aquilina qed jidhru għal Norman Vella. Il-Bord tal-Kummissjoni dwar l-Impjieg huwa mmexxi minn Frank Testa. Is-sentenza mistennija tingħata fil-15 ta’ Mejju li ġej.