Lokali

Gvern ‘doppia faccia’ anke fejn jidħol il-fastidju sesswali – PN

Il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, jiddeplora d-‘double standards’ tal-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela, li qed jagħti ‘carte blanche’ u jwassal messaġġ ħażin dwar il-fastidju sesswali.

Sostnew dan ix-Shadow Ministers Graziella Attard Previ, Darren Carabott u Ivan Castillo hekk kif spjegaw li għal Robert Abela, il-fastidju sesswali sar aċċettabbli. Fl-istess waqt, hu ironiku li s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, meta mistoqsija, iddikjarat li, li kieku kien għaliha, hi ma timpjegax lil xi ħadd mixli b’fastidju sesswali. Dan wara li hu fatt magħruf li riċentament, attivist Laburista li bħalissa għaddej b’akkużi kriminali ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol fi Transport Malta ngħata impjieg ieħor ma’ entità governattiva oħra, Infrastructure Malta.

“Rebecca Buttigieg hi parti mill-istess Gvern Laburista ta’ Robert Abela u jekk trid, għandha s-saħħa li tieħu d-deċiżjonijiet. Iżda fuq kollox, għandha obbligu lejn is-soċjetà għax ma jistax ikun li tingħad ħaġa u ssir oħra. Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Gvern ikun konsistenti u mhux jgħid ħaġa u jagħmel mod ieħor.”

Huma saħqu li huwa minnu li f’dan il-każ partikolari għad hemm il-presunzjoni tal-innoċenza, hekk kif il-persuna konċernata għadha ma nstabitx ħatja, iżda fl-istess waqt, hemm messaġġ responsabbli li jrid jasal mit-tmexxija ta’ pajjiżna. Allura f’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi fejn hi l-empatija lejn il-vittmi ta’ fastidju sesswali.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll x’inhi l-opinjoni tad-Deputati l-oħrajn li jiffurmaw il-Grupp Parlamentari Laburista, inkluż u b’mod partikolari d-Deputati nisa, li s’issa ma lissnu ebda kelma ta’ appoġġ lill-vittmi ta’ fastidju sesswali minkejja l-ħafna kliem sabiħ u ta’ faraġ fuq is-suġġett.

“Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista hu ċar dwar il-fastidju sesswali. Kien il-Partit Nazzjonalista li ressaq private members bill biex jinforza politika ta’ tolleranza zero dwar il-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol. Aktar minn sena ilu, f’Marzu tal-2023, il-private members bill imressaq mill-Partit Nazzjonalista offra ‘outline’ tal-proċeduri li l-impjegat u min iħaddem għandhom isegwu f’każijiet ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol.”

Huma spjegaw li wara dak li ġara fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista mhux sorpriż li l-Gvern Laburista ħalla din il-private members bill fuq l-ixkaffa. Dan l-aġir waħdu hu skandaluż u oxxen. Din hija tebgħa oħra fuq il-Gvern Laburista li għalih xejn mhu xejn, anke l-aktar affarijiet gravi li saħansitra jagħmlu ħsara diretta lin-nies.