Lokali

Il-Ministru Falzon jibqa’ ma jweġibx dwar il-person of trust tiegħu

Il-Minsitru Michael Falzon ma kellux kummenti x’jagħti dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali. Agħar minn hekk, lit-Times of Malta qalilhom biex jiktbu li jridu – attitudni skomda għall-aħħar fejn l-istess Ministru, li snin ilu kien diġà tneħħa minn Ministru Laburista, ma jridx jew ma jistax inaddaf ismu.  Dan hekk kif l-eks xufier ta’ Andy Ellul, Roger Agius, qed jallega li b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali kien hemm person of trust ta’ Falzon li qallu li kemm idum Michael Falzon Ministru ma jkollhom trouble qatt.

Fuq Facebook, il-Ministru qed jiċħad l-involviment tiegħu. Iżda ma qal xejn dwar il-person of trust.

Matul il-jum tat-Tlieta, Agius, li huwa implikat f’dan l-iskandlu flimkien ma’ oħrajn fosthom l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti saħaq li lura f’Novembru kien kiteb lill-Pulizija u l-Avukat Generali fejn infurmahom li kien jaf personalment dwar l-oriġini tal-frodi kbir fil-ħruġ ta’ benefiċċji soċjali għal diżabbiltà severa… u dwar dak li ddeskriva bħala konfoffa li kienet fis-seħħ bis-sehem ta’ diversi persuni inkluż, uffiċjali politiċi bil-kompliċità ta’ membri tal-Kabinett sa mill-2019.

Roger Agius saħaq li kien lest jikxef bil-ġurament li 5 snin ilu, uffiċċjal pubbliku fil-Ministeru ta’ Michael Falzon u li għadu f’din il-pożizzjoni, kien tah burner phone biex permezz tiegħu biss isiru t-telefonati dwar l-applikazzjonijiet abbażi ta’ ċertifikati frawdolenti.

L-eks xufier tad-Deputat Laburista insista li hu kien lest jikxef kif dan l-istess uffiċjal, allegatament Mark Calleja magħruf bħala ‘Gulija’ u li ngħata position of trust minn Michael Falzon, kien jirranga l-kompożizzjoni tal-Bord Mediku biex ikun iggarantit li dawk li jkunu referuti jgħaddu żgur.

Agius saħaq li kien lest jikxef taħt ġurament li kien għadu qed jirċievi l-karti minn għandu  sal-ewwel tliet xhur tat-2023 u kien lest jikxef ukoll taħt ġurament li qallu “kemm idum il-Ministru hemm, aħna trouble ma jkollna qatt.“

Iżda għal din l-email li kitibha lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ma rċieva ebda risposta, bi spettur tal-Pulizija jgħidlu biss li kien teatrin.

Quddiem dawn il-fatti, il-Ministru Michael Falzon baqa’ jaħrab mill-ġurnalisti u ma ċaħad ebda allegazzjoni magħmula minn Roger Agius.

Sussegwentament, matul il-jum tal-Erbgħa, Falzon ħass li kellu jwieġeb fuq il-midja soċjali u insista li huwa jiċħad b’mod kategoriku l-involviment tiegħu f’dan l-iskandlu.

Madanakollu naqas totalment milli jiċċara l-affarijiet fuq il-person of trust tiegħu Mark Calleja.

Wara dan kollu, ħafna qed jistaqsu: Falzon għandu kontroll fuq il-Ministeru tiegħu? Għandu fiduċja f’Calleja wara dawn l-allegazzjonijiet? Fuq kollox, min se jerfa’ responsabbiltà ta’ dan kollu?