Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista kommess li jħaddem politika fl-interess tal-poplu” – Bernard Grech

“Il-kuntatt regolari huwa essenzjali sabiex id-djalogu jibqa’ miftuħ mal-imsieħba soċjali, u l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jħaddem politika li verament tħoss il-polz tal-poplu.”

Dan kien il-messaġġ li twassal minn naħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li kellu mas-CMTU, l-Erbgħa filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-laqgħa Bernard Grech insista li mill-kliem jeħtieġ li ngħaddu għall-fatti u li f’pajjiżna jeħtieġ investiment li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’kummenti ma’ Net News Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet aħjar; b’pagi ogħla.

Minn naħa tiegħu l-President tas-CMTU Martin Balzan qal li l-poplu jixtieq li jara lil pajjiżna miexi ‘l quddiem b’ekonomija bbażata fuq il-kwalità mhux fuq il-kwantità.

Hawnhekk, huwa sostna li kaġun tal-mudell ekonomiku, l-infrastruttura ta’ pajjiżna qed tbati u għalhekk jeħtieġ li l-Gvern ikollu viżjoni fit-tul. Dan apparti li enfasizza l-bżonn li jintlaħaq qbil bejn l-edukaturi u l-Gvern – ftehim li għadu pendenti.

Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo kif ukoll Graham Bencini.

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-SĦPN Mauro Miceli.