Lokali

Inawgurazzjoni tal-kwadru titulari restawrat f’Ħal Tarxien

Il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien se tiċċelebra l-inawgurazzjoni tal-Kwadru Titulari Restawrat ta’ Marija Annunzjata b’serata kommemorattiva bit-tema ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’, fil-Knisja Arċipretali, nhar il-Ħadd, 5 ta’ Mejju, 2024, fis-7.30pm.

Il-kommemorazzjoni se ssir taħt il-patroċinju ta’ Mons Dr Edgar Vella, Kuratur tal-Mużew tal-Katridral Metropolitan ta’ Malta, bis-sehem tal-Orkestra u l-Kor Coro Bel Canto, taħt it-tmexxija ta’ Mro Hermann Farrugia Frantz.

Il-kwadru titulari ta’ Marija Annunzjata tpitter minn Pietro Gagliardi fl-1874.

Gagliardi (1809-1890) twieled Ruma u maż-żmien sar wieħed mill-iktar artisti Taljani ta’ talent u ħila li għamlu xogħlijiet għal klijenti Maltin tard fis-seklu 19.

Il-kwadru tal-Annunzjazzjoni juri lil Marija tagħti umilment il-kunsens tagħha għar-rieda ta’ Alla l-Missier kif imħabbra lilha mill-Anġlu Gabriel. L-artist li pinġieh kien magħżul mill-Isqof Gaetano Pace Forno O.E.S.A. (1809 – 1874).

Meta saret, 150 ilu, il-pittura ta’ Marija Annunzjata kienet finanzjata mill-Familja Abela. Għaliha ħallset mitejn lira sterlina, somma konsiderevoli għal dak iż-żmien.

Dr Mark Sagona, Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, fil-kommemorazzjoni se jagħmel diskors dwar “Pietro Gagliardi, Ħal Tarxien u l-Faxxinu tal-Arti f’Ruma”.

Rev Dr Jonathan Farrugia, Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, il-Patroloġija u l-Arkeoloġija Paleokristjana, fl-Università ta’ Malta, se jitkellem dwar, “Il-Qaddejja-Sinjura: iċ-ċokon u l-kobor ta’ Marija fit-Titular ta’ Gagliardi”.

Iċ-ċelebrazzjoni se tkun tinkludi l-kant ta’ innu bit-titlu “Lil Ommna Marija”, miktub għall-okkażjoni minn Cleavon Vella u mużikat minn Mro. Ray Sciberras, kif ukoll poeżija ta’ Alfred Massa, dedikata għall-miġja mill-ġdid tal-Kwadru Titulari fil-knisja.

Se tindaqq ukoll il-kompożizzjoni “Dixit” ta’ Roberto DeCesare. Din kienet indaqqet għall-ewwel darba fil-Knisja Arċipretali meta ġie inawgurat l-istess kwadru.

Se tiġi ppreżentata wkoll, għall-ewwel darba, kompożizzjoni ġdida tal-Kredu li Mro Farrugia Frantz kiteb biex tifforma parti mill-quddiesa tal-Festa Titulari.

Is-Sur Pierre Bugeja mill-kumpannija PrevArti Ltd, se jitkellem dwar il-proċess u t-teknika użati fir-restawr.

B’inizjattiva tal-Arċipriet Dun Christopher Ellul, nhar l-1 ta’ Awwissu, 2023, il-kwadru tniżżel minn postu biex l-għada, fit-2 ta’ Awwissu, 2023, twassal għand id-ditta PrevArti Ltd – Art Conservation & Restoration. Ix-xogħol tar-restawr tiegħu tlesta fil-bidu ta’ April u l-kwadru treġġa’ lura fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien.

Il-proġett tar-restawr tal-kwadru ġie finanzjat mill-Bank of Valletta.