Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Viċi-Ministru tad-Difiża implikat fl-akbar każ ta’ korruzzjoni mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna

L-awtoritajiet f’ Moska ordnaw biex Viċi-Ministru Russu għad-Difiża jinżamm taħt arrest wara allegazzjonijiet li hu aċċetta li jkun involut f’każ ta’ tixħim ‘fuq skala kbira’.

Intant, Timur Ivanov, alleat tal-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu u li kien inħatar uffiċjali għoli mal-Ministeru fl-2016, qiegħed jiċħad għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Dan meta hu, għall-aħħar snin, kien responsabbli għall-proġetti relatati mal-infrastruttura militari tar-Russja.

L-attivisti ilhom jikkritikaw il-livelli tal-allegat korruzzjoni fi kwalunkwe qasam tas-soċjetà Russa – u mhux l-anqas fost it-taqsimiet militari tal-Kremlin.

Madankollu, ftit kien hemm każi hekk kbar ta’ korruzzjoni (fir-Russja) minn dakinar, fi Frar tal-2022, li l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna bħala parti mill-ambizzjonijiet territorjali tal-Kremlin u l-President Vladimir Putin.

Timur Ivanov kien anki għamel żmien bħala Viċi-Prim Ministru għar-reġjun ta’ Moska u fl-aħħar sigħat, il-Kremlin ċaħad għar-rapporti li ‘il-vera raġuni’ għall-arrest tal-Viċi-Ministru kienet, fil-fatt, relatata ma’ suspettat tradiment.

Madankollu, mhumiex jonqsu l-ispekulazzjonijiet dwar l-arrest ta’ dan l-uffiċjal għoli u r-riperkussjonijiet potenzjali f’din is-sitwazzjoni embarazzanti għall-Kremlin. Dan ukoll meta Ivanov ilu żmien akkużat dwar sehem ‘fi skemi ta’ korruzzjoni  waqt proġetti tal-bini fit-territorji Ukreni okkupati mir-Russi’.

Dan meta magħruf li l-President Putin kien infurmat li Timur Ivanov kellu jinżamm ‘għal interrogazzjoni’ sa minn qabel il-pulizija avviċinaw lill-Viċi-Ministru tad-Difiża bil-mandat ta’ arrest.