Lokali

Is-skiet ta’ Michael Falzon iqajjem iktar mistoqsijiet dwar l-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-benefiċċji – PN

Michael Falzon għandu obbligu li jwieġeb il-mistoqsijiet li tqajmu dwar l-involviment tiegħu u tal-uffiċċju tiegħu fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali li seħħ fil-Ministeru tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrria, li mhux aċċettabbli li Michael Falzon jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet wara li persuna involuta fl-iskandlu semmiet b’mod dirett lilu u lil diversi persuni mill-uffiċċju tiegħu.

Ċertament, il-Ministru jrid iwieġeb dwar l-involviment tiegħu, x’kien jaf hu u kif ħallew nies imlaħħqin sew fil-Partit Laburista joperaw b’mod kriminali biex il-Partit Laburista jixtri l-voti f’din l-iskema skandaluża tal-benefiċċji.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa u azzjoni immedjata mill-Gvern biex terġa’ tkun irrestawrata l-integrità fis-sistema tal-benefiċċji għad-diżabbiltà severa, filwaqt li jkun żgurat li abbużi bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Il-Maltin u l-Għawdxin jistħoqqilhom amministrazzjoni ġusta, li tiffunzjona b’integrità u ħielsa mill-korruzzjoni. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi l-iżviluppi li qed joħorġu dwar dan l-iskandlu u jinsisti fuq trasparenza u ġustizzja biex ikun żgurat li abbużi bħal dawn mill-Partit Laburista ma jerġgħux isiru.