Lokali

Is-skiet tal-Ministru Falzon mhux aċċettabbli – Repubblika

Repubblika tikkundanna d-deċiżjoni tal-Ministru Michael Falzon li jinjora mistoqsijiet leġittimi tal-istampa dwar allegazzjonijiet serji ta’ mġiba korrotta u kriminali fl-uffiċju tiegħu. Ministru tal-Gvern hu obbligat iwieġeb dwar allegazzjonijiet ta’ kriminalità fl-istaff tiegħu, imqar biex jiċħadhom. Il-mod kif ta dahru lill-ġurnalisti juri d-disprezz tal-ministri lejn il-pubbliku kollu li għandu dritt jippretendi li l-ministri tal-gvern ma jipproteġux kriminali.

Kien mill-ewwel ċar li l-iskandlu tal-pensjonijiet ta’ diżabbilità severa mogħtija lill-persuni li ma kellhom ebda mard jew diżabbilità kellu bilfors jinvolvi involviment u barka politika fl-ogħla livell biex seta’ jitwettaq għalkemm dam għaddej.

Il-persuni li huma kompliċi f’dan l-iskandlu għandhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi. Il-ministri li ħallew dan kollu għaddej taħt imneħirhom għandhom jerfgħu r-responsabbiltà.

Michael Falzon għandu jieqaf jaħrab mill-konsegwenzi t’għemilu jew tat-traskuraġni tiegħu.