Lokali Qorti

Jammetti li seraq minn diversi karozzi biex ikollu l-flus għad-droga

Raġel minn Bormla għandu jingħata sentenza nhar it-Tlieta, 30 ta’ April, wara li ammetta li wettaq sensiela ta’ sitt serqiet minn karozzi f’Raħal Ġdid, Bormla u Ħaż-Żabbar biex isostni l-vizzju tad-droga. Leandross Cutajar ta’ 39 sena, wieġeb ħati għal diversi akkużi ta’ serq, ħsara kriminali u attentat ta’ serq, li kollha seħħew f’Marzu u April ta’ din is-sena.

Cutajar kien jimmira fuq vetturi pparkjati, u li minnhom seraq flus kontanti, mobiles, ċwievet u oġġetti oħra. Cutajar, li qal lill-Qorti li kien bla xogħol, mill-ewwel wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiet lir-raġel u ħeġġitu jfittex l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

“Tħallix lin-nies jużawk u jagħmlu l-flus minn fuqek. Int li tressaqt il-Qorti, mhux huma. Wara li jieħdu minnek kulma jistgħu, jarmuk bħal qoxra tal-lumija.”

Il-Qorti ddifferit il-kawża għas-sentenza għall-aħħar ta’ dan ix-xahar fid-9am. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.