Fl-1 ta’ Mejju jitfakkar l-għoxrin anniversarju minn mindu Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, issieħbet fl-Unjoni Ewropea. Dan il-mument storiku li seħħ fl-2004, tfakkar mill-Parlament Ewropew b’laqgħa li fiha tkellmu l-politiċi li kienu protagonisti ta’ dak iż-żmien.
Fil-fatt, l-Erbgħa filgħodu, fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, flimkien mal-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u bosta personalitajiet oħra, fakkru dan l-anniversarju.
Fost iż-żgħażagħ mistedin, kien hemm Ylenia Duncan; żagħżugħa Maltija li twieldet fl-1 ta’ Mejju tal-2004, u li kienet l-ewwel persuna mwielda f’Malta minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea.
Lawrence Gonzi minn naħa tiegħu tkellem dwar dan il-mument “straordinarju u eċċezzjonali” għal Malta – pass li seħħ grazzi għall-Partit Nazzjonalista.
Roberta Metsola minn naħa tagħha tkellmet dwar is-sens ta’ kburija għal pajjiz tant żgħir, li rnexxielu li ħolma jdawwarha f’realtà. Il-President tal-Parlament Ewropew qed tinsisti li minn din is-sħubija gawda kulħadd.
Fl-2004, l-UE kienet esperjenzat l-akbar tkabbir tagħha. Dak iż-żmien, apparti Malta, kienu ssieħbu wkoll Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja.
//= $special ?>