Lokali

Joseph Muscat jibqa’ ma jridx jiżvela x’se jagħmel – Jason Micallef jgħid li mhux ħiereġ

Il-Labour jitfa’ l-pressjoni fuq Muscat biex ma jkunx kandidat għall-Parlament Ewropew

Wieħed mill-veterani tal-Labour għadu kif ħabbar fuq il-media soċjali, li Joseph Muscat mhux se jikkontesta għall-MEPs. Fil-fatt, kien Jason Micallef – wieħed mill-persuni viċin ferm tal-Eks Prim Ministru Muscat – illi xandar din l-aħbar fuq Facebook.

Micallef qal li Muscat mhux se jkun fuq il-lista ta’ kandidati tal-Labour fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Gunju li gej. L-Eks Segretarju Ġenerali tal-Labour qal li din kienet opportunità kbira mitlufa għall-Partit Laburista.

Iżda fl-istess waqt li Micallef kien qed iwassal din l-aħbar, Joseph Muscat naqas milli jkun ċar u tond mal-ġurnalisti. Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu, meta kien mistoqsi jekk hux se jerġa’ jikkontesta għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Muscat sostna li fil-jiem li ġejjin se jagħti sinjal ċar – iżda stqarr li fid-deċiżjoni tiegħu jrid jikkunsidra ċertu kwistjonijiet personali.

Mistoqsi biex ikun ċar fir-risposta tiegħu, Joseph Muscat baqa’ jaħrab milli jwieġeb iżda preċiża jgħid li din mhux xi ħaġa vvintata mill-propagandista Laburista Manuel Cuschieri, b’Muscat jiddeskrivi lil Cuschieri bħala persuna li għamlet pressjoni.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kwistjoni tal-Isptarijiet, l-Eks Prim Ministru baqa’ jinsisti bir-retorika li kieku ma kinux għall-famużi forzi misterjużi li dejjem jitkellem dwarhom – l-isptarijiet ta’ Vitals u Steward kienu jirnexxu. Dan filwaqt li ammetta l-problemi enormi li hemm preżentament fis-settur tas-saħħa.

Ironikament, dan is-settur m’għadux sostenibbli wara li Gvern Laburista mexa b’mudell ekonomiku li introduċa u ħaddem huwa stess. 

Intant, ftit tax-xhur ilu, waqt intervista ma’ Manuel Cuschieri fuq l-istazzjon Smash b’rabta ma’ din il-kwistjoni, Muscat kien irrefera għall-membri tal-Kabinett tiegħu li kienu l-aktar qrib it-tmexxija tiegħu bħala persuni li meta kienet ġejja tajba kienu jippuppaw, u kif ġiet ħażina farfru u warrbuh.

Għalhekk, tlabnih jgħidilna min huma dawn in-nies u jekk għandhomx jerfgħu responsabbiltà.

Botta diretta fil-konfront ta’ min rikeb il-karru ta’ Muscat u sussegwentament, wara li rah jisfaxxa abbandunah għalkollox. Il-qasma fi ħdan il-Partit Laburista tidher ċara, tant li lil Muscat mhux se jħalluh joħroġ bħala kandidat għall-Ewropa.