Għawdex Lokali

“Kemm nixtieq nara pajjiż b’inqas djar tilgħin ‘il fuq, imma aktar djar disponibbli għaż-żgħażagħ”

"Żagħżugħ irid jegħreq id-demm biex jixtri proprjetà"

“Irrid nara relazzjonijiet aktar b’saħħithom, aktar djar disponibbli għaż-żgħażagħ tagħna, nies aktar kuntenti, żgħażagħ jgħixu fil-paċi, u persuni li jaħsbu f’xulxin”.

Dan iddikjarah l-Isqof t’Għawdex Monsinjur Anton Teuma fil-messaġġ tiegħu għall-festa ta’ San Ġorġ, li ġiet iċċelebrata lbieraħ fil-Bażilika tar-Rabat, Għawdex.

“Hemm xi ħaġa li mhix sejra sew fil-ħajja tagħna”, stqarr l-Isqof Teuma, fejn enfasizza fuq il-fatt li ż-żgħażagħ qed jispiċċaw jegħrqu d-demm biex jixtru proprjetà.

L-Isqof wissa dwar azzjonijiet minn persuni li jridu jisfruttaw għall-interessi personali.

Mons. Teuma qal li bħala komunità “rridu nerġgħu mmorru għall-valuri tal-bidu”.

“Qed ngħixu f’soċjetà li hi totalment materjalista. Dinja li qed taljenana. Tant li aħna spiċċajna nagħmlu l-kompromessi”, stqarr Anton Teuma fl-omelija tiegħu tal-bieraħ.

Hu stqarr li l-umanità kif inhi miexja bħalissa, turi li hemm sens ta’ xi ħaġa ħażina li qed tiġri – ħajjitna ġirja waħda.

Imbagħad, quddiem il-konkregazzjoni preżenti, Mons. Teuma għamel din id-dikjarazzjoni: “nippreferi nara knejjes inqas sbieħ; imma mimlijin bin-nies”.