Lokali Qorti

L-Avukat Pawlu Lia jżomm milli tingħata s-sentenza fil-konfront ta’ Norman Vella fuq diskriminazzjoni politika

L-Avukat tal-Partit Laburista, tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru attwali Robert Abela, Pawlu Lia, waqqaf il-proċess biex tingħata s-sentenza fil-konfront ta’ Norman Vella li kien fetaħ każ li saret diskriminazzjoni politika fil-konfront tiegħu meta tkeċċa mill-PBS ftit wara li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013.

Meta kien hemm ftehim bejn il-partijiet li s-sentenza tingħata l-Erbgħa waranofsinhar fejn kien hemm qbil anke mill-Avukat Pawlu Lia, l-istess avukat dawwar fehmtu u qal li peress li kien hemm membru tal-kummissjoni l-Avukat Noel Camilleri assenti, allura kien qed joġġezzjona li s-sentenza tingħata.

L-Avukat Karol Aquilina li flimkien mal-Avukat Andrew Borg Cardona qed jidher għal Norman Vella, qal lill-Avukat Lia li kien hemm qbil li s-sentenza tingħata u li din hija inġustizzja lejn Vella, li kellu jiġi Malta għal tal-apposta mil-Lussemburgu, il-pajjiż fejn jaħdem, biex jisma’ d-deċiżjoni.

Hawn l-Avukat Frank Testa, li huwa Chairman tal-Kummissjoni, qal li kien hemm qbil permezz ta’ emails li ntbagħtu mill-partijiet li s-sentenza tingħata l-Erbgħa, 24 ta’ April. Madankollu l-Avukat Lia qal li l-Kummissjoni mhux skont il-liġi u li għalhekk kien qed joġġezzjona.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Avukat Testa qal li biex jinqalgħux intoppi jkun aħjar li jipposponi bid-data għas-sentenza issa marret għall-15 ta’ Mejju fis-1.30pm. Fi tmiem is-seduta, Norman Vella qal lill-Avukat Pawlu Lia “issa mur iċċelebra jum il-ħaddiem ta’ il-Prim Ministru Robert Abela jaf b’dan li qed tagħmel?”

Kien fl-10 ta’ Ottubru 2013 li Norman Vella mar quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fejn ressaq riskors kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fejn talab li l-Kummissjoni tiddikjara li t-tneħħija tiegħu mill-PBS (Public Broadcasting Services) tikkostitwixxi diskriminazzjoni politika.

Ftit xhur wara l-elezzjoni tal-2013, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju, Vella kien intbagħat jaħdem l-ajruport bħala Border Control Officer. Fl-iskeda 2012/13 mal-PBS, Vella kien jipproduċi u jippreżenta l-programm ta’ ġrajjiet kurrenti TVHemm, kuljum fuq TVM.

Qabel ingħaqad ma’ TVM, bejn l-2006 u l-2012, Vella kien jaħdem mal-kumpanija Where’s Everybody u kien responsabbli mill-produzzjoni tal-programm ‘Xarabank’ u tas-sensiela ta’ dokumentarji ‘Bijografiji’.

Taħt iċ-ċintorin

Vella kien xehed li, qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat kien heddu li “għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista, jien se nagħtikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa’”. Din it-theddida kienet ikkonfermata quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fix-xhieda tal-Eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, u tal-preżentatur Peppi Azzopardi li kienu preżenti meta saret.

Arrestat ftit wara li beda l-każ

Huwa qal li fis-27 ta’ Ottubru 2013: Ftit jiem wara li beda l-każ quddiem il-Kummissjoni, Norman Vella ġie arrestat mill-Pulizija waqt li kien qed jaħdem fl-ajruport bl-akkuża li ħa ritratt lil Kurt Farrugia u lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard huma u jħallu Malta, u li dan ir-ritratt li ma jeżistix bagħtu lil Daphne Caruana Galizia. F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Dr Mars-Anne Farrugia, ingħad li Norman Vella ġie arrestat mingħajr ma kien hemm ebda suspett raġonevoli li seta’ kkommetta reat.

Xhieda ta’ John Bundy u libell

Quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, l-Eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy xehed illi ċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri, kien intervjena personalment biex jiżgura li Norman Vella jitneħħa mill-PBS u jintbagħat jaħdem l-airport.

Scerri kien ċaħad id-dikjarazzjonijiet ta’ Bundy u għamillu libell. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat, illum Imħallef Francesco Depasquale, emmnet lil John Bundy u fis-sentenza tagħha qalet li dak li kien xehed Bundy “kien ibbażat fuq fatti illi huwa kien jaf dwarhom u li ġew korroborati minn dokumentazzjoni”. Fil-libell, l-avukat li deher għal John Bundy kien il-Prim Ministru attwali, Dr Robert Abela.

Bidlu r-raġuni tat-tneħħija

F’Lulju 2013, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien iddikjara li Vella kien tneħħa mill-PBS għax il-programm TVHemm ma kienx se jkompli fis-sajf. Sussegwentement, quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, ġiet ippreżentata ittra li fiha jingħad li Vella kellu jitneħħa mill-PBS għax huwa essenzjali” għas-sezzjoni tal-Immigrazzjoni fl-ajruport. Quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Kurt Farrugia xehed li kienu ħadu żball meta semmew l-ewwel raġuni.

Ikkonferma li ngħata direzzjoni politika

F’xhieda fil-Qorti, Kevin Mahoney, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ikkonferma li dwar it-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS talab, ingħata u ħa direzzjoni politika.

Min iffirma

It-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS kellha tkun awtorizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. F’xhieda quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Cutajar qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien iffirma għat-tneħħija ta’ Vella skont dak li rrakkomandalu l-istess Cutajar.

Ħames ġurnalisti mill-One għall-PBS

Fl-istess żmien li fih Norman Vella tneħħa mill-PBS, l-istess PBS impjega ħames ġurnalisti ġodda li kollha kemm huma kienu jaħdmu mal-istazzjon tal-Partit Laburista. Fost dawn il-ġurnalisti kien hemm Norma Saliba, li nġiebet il-PBS b’secondment mill-MUESAC xahar eżatt wara li tneħħa Norman Vella.

Ebda xhud

Wara li għamlu l-kontroeżami ta’ Norman Vella, il-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kellhom ebda xhud xi jtellgħu quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi biex jipprovaw il-każ tagħhom.

Il-Kummissjoni dwar l-impiegi

Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi hija magħmula minn żewġ membri nominati mill-Prim Ministru, żewġ membri nominati mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Chairman li huwa nominat mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Iċ-Chairman attwali tal-Kummissjoni huwa l-avukat Frank B. Testa. Il-membri l-oħra huma l-avukati Noel Camilleri, Rodianne Sciberras, Roberta Leprè Camilleri u Alessia Zammit McKeon.

Il-funzjoni Kostituzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi hija li tiżgura li ma jkun hemm “ebda distinzjoni, esklużjoni jew preferenza li ma tkunx ġustifikabbli f’soċjetà demokratika” minħabba l-opinjoni politika ta’ persuna.