Lokali

L-inċident tas-Sibt poġġa lill-binjiet tal-ġirien f’riskju… se jsir xogħol biex jitneħħa l-periklu

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-BCA rriżulta li fuq is-sit inkwistjoni m’hemmx applikazzjonijiet approvati jew pendenti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u għaldaqstant ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet. Lanqas ma kien hemm rapporti li daħlu lill-Awtorità qabel l-inċident inkwistjoni.

Riżultat tal-inċident, immedjatament inħatret inkjesta maġisterjali u mill-ewwel riżultati jirriżulta li l-istruttura tal-fond tinsab f’qagħda ta’ periklu u dan jista’ jkollu wkoll impatt fuq il-fondijiet ta’ terzi, kif ukoll dawk li jridu jaċċessaw il-binja biex iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji.

Għaldaqstant, l-Awtorità għamlet talba lill-Maġistrat Inkwerenti sabiex tkun awtorizzata taċċeddi fuq il-fond fejn seħħ l-inċident u l-bini, u dana biex issir il-valutazzjoni neċessarja u twettaq ix-xogħol kollu neċessarju sabiex jitneħħa l-periklu fl-interess tat-terzi u l-pubbliku inġenerali.

Din it-talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat inkwerenti, u għal dan il-għan l-Awtorità ser tkun qed tingaġġa Perit, Kuntrattur, Site Technical Officer, Bennej Liċenzjat u Health and Safety officer biex fil-preżenza u taħt is-sorveljanza tal-espert tekniku maħtur fl-inkjesta, twettaq dan l-inkarigu.

B’rispett lejn in-natura tal-investigazzjoni pendenti permezz tal-inkjesta maġisterjali, l-Awtorità tgħarraf li f’dan l-istadju mhux ser tkun qed tikkummenta aktar.