Internazzjonali

L-Ukrajna: Mistennija tirċievi dalwaqt l-armamenti mingħand l-Istati Uniti

L-Ukrajna qed tiċċelebra l-fatt li se tkun tista’ issaħħaħ ir-reżistenza kontra l-qawwiet tar-Russja f’artha ladarba hi tirċievi l-armamenti ta’ difiża sofistikati mingħand l-Istati Uniti.

Fil-fatt, l-ewwel kunsinni tal-armamenti għandhom jibdew jintbagħtu fi kwistjoni ta’ jiem minħabba li l-konflitt fl-artijiet Ukreni. Issa, daħal f’fażi delikata wara l-aħħar suċċessi militari tat-truppi ta’ Vladimir Putin.

Intant, l-Ukrajna qed tistenna dalwaqt li tingħata s-sistemi ta’ difiża tat-tip surface-to-air flimkien ma’ tagħmir tal-gwerra ieħor wara li s-Senat f’Washington, fil-lejl tat-Tlieta, approva l-pakkett tal-għajnuna militari għall-Ukrajna…Pakkett li kien diġà approvat, jiem ilu, mill-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington.

Il-pakkett, ekwivalenti għal aktar minn 100 biljun ewro (li mas-70 biljun minnhom huma għall-Ukreni) jinkludi anki għajnuna militari għal Iżrael u t-Tajwan.

Sadanittant, jonqos biss il-firma tal-President Amerikan Joe Biden…Il-President, min-naħa tiegħu, qal li se jiffirma għall-pakkett ‘ladarba d-dokument kellu jasal fuq l-iskrivanija tiegħu’, b’din il-firma tippermetti għat-trasport tal-ewwel armamenti lill-Ukreni minn din il-ġimgħa stess.

It-Tmexxija f’Washington qed tisħaq li l-leġislazzjoni li permettiet l-għajnuna lill-Ukrajna kapaċi jkollha sinifikat storiku fiċ-ċirkustanzi attwali. Dan waqt li l-kelliema f’Washington qalu li din l-għajnuna tgħin issaħħaħ mhux biss is-sigurtà tal-Ukreni iżda anki tal-Istati kollha li jħobbu l-libertà u d-demokrazija.