Lokali Parlament

Malta għandha tinvesti iktar f’mużewijiet storiċi


Carm Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella biex Malta tikkonserva dejjem iktar il-wirt storiku u jesebixxi dan il-wirt f’iktar mużewijiet.


Carm Mifsud Bonnici qal li l-wirt kulturali jrid jibqa’ fil-pajjiż fejn għandu l-oriġini. Hu semma’ diversi episodji storiċi li fihom ittieħdu oġġetti ta’ valur storiku minn pajjiż għall-ieħor fi żminijiet ta’ gwerra.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-oġġetti meħuda għandhom jibqgħu parti mill-pajjiż tal-oriġini għaliex jiffurmaw parti mill-kultura u l-identità tal-pajjiż. Għalhekk l-oġġetti storiċi li jkunu parti minn kollezzonijiet individwali għandhom ikunu ritornati lill-pajjiżi oriġinali tagħhom.


Hu sostna li Malta għandha tassigura l-konvenzjonijiet neċessarji u kompla li l-oġġetti li tikseb Malta għandhom jitpoġġew fil-mużewijiet fejn ikun hemm is-sigurtà neċessarja. Jeħtieġ li l-pajjiż ikollu ferm iktar mużewijiet biex Malta titpoġġa iktar b’mod prominenti fuq il-mappa kulturali internazzjonali.
Carm Mifsud Bonnici kompla li jista’ jsir mużew importanti dwr il-fdalijiet arkeoloġiċi minn Tas-Silġ f’Marsaxlokk li s’issa għandhom mhumiex esposti.


Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-konvenzjonijiet għandhom iservu biex tikber il-kuxjenza li Malta ma tkunx sodisfatta biss bil-mużewijiet li għandha iżda li tifrex l-espożizzjonijiet.


Hu semma’ l-Mużew Marittimu fix-Xatt tal-Birgu u qal li l-inizjattiva ta’ missieru l-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici wassal biex diversi nies taw diversi oġġetti lil dan il-mużew. Fl-istess żona hemm diversi palazzi li huma f’idejn l-Istat li mhumiex utilizzati u li jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ esebizzjonijiet storiċi.


Carm Mifsud Bonnici appella biex iż-żgħażagħ u t-tfal Maltin imorru jżuru postijiet storiċi u biex iktar postijiet ikunu restawrati propju minħabba li l-kunsilli lokali mhux jidentifikawhom għar-restawr.