Kummerċ Lokali

Manfred Galdes jinħatar Chairman tal-HSBC Bank Malta

Serva bħala Non-Executive Director tal-HSBC Malta għal kważi tliet snin

Manfred Galdes inħatar bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-HSBC Bank Malta, wara li John Bonello ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirtira, wara 11-il sena servizz, waqt l-AGM li sar f’April. L-irtirar ta’ John Bonello minn Chairman u Direttur tal-Bank u l-ħatra ta’ Manfred Galdes bħala Chairman, huma b’effett mit-23 ta’ April 2024.

Geoffrey Fichte, Direttur Eżekuttiv u Chief Executive Officer tal-Bank, qal: “Nixtieq nagħti ġieħ liċ-Chairman tagħna, John Bonello, wara 11-il sena ta’ servizz, 5 snin minnhom bħala Chairman. Huwa mexxa l-bank b’impenn, dedikazzjoni u integrità bla waqfien. Għal dan aħna grati, u nawguraw lilu u lill-familja tiegħu għall-futur.

Kuntent u nifraħ lil Dr Manfred Galdes għall-ħatra tiegħu, bħala ċ-Chairman li jmiss tal-HSBC Malta. Manfred ilu Non-Executive Director tal-HSBC Malta għal kważi tliet snin u diġà jaf in-negozju tagħna tajjeb ħafna. Ir-rispett għoli li bih huwa miżmum lokalment u madwar il-Grupp HSBC ipoġġih f’pożizzjoni ideali biex imexxi l-bord tal-HSBC Malta għas-snin li ġejjin.”

John Bonello qal: ““Kien ta’ unur għalija li nservi fuq Bord ta’ sussidjarja ta’ bank internazzjonali kbir li huwa l-HSBC. Jien grat għall-appoġġ kontinwu li rċevejt mingħand il-kollegi tiegħi fuq il-bord, l-eżekuttiv u l-impjegati tal-bank fi kwalunkwe rwol. Iltqajt ma’ professjonaliżmu u dedikazzjoni f’ambjent tax-xogħol ferm rispettuż. Jien naf li Manfred se jmexxi l-bord tal-bank b’entużjażmu u integrità. Nawgura lilu u lil dan il-bank kull suċċess. Se nħares lura lejn dan il-kapitlu b’memorji sbieħ.”

Manfred Galdes qal: “Ninsab onorat ħafna bil-fiduċja li tpoġġiet fija biex inmexxi l-bord tal-HSBC Bank Malta. Filwaqt li nesprimi l-gratitudni sinċiera tiegħi lil John Bonello li kien figura tassew ta’ ispirazzjoni għal dan il-bank u n-nies tiegħu, nistenna bil-ħerqa li naħdem ma’ sħabi d-diretturi u mat-tim eżekuttiv tal-bank biex inkompli ntejjeb l-offerta tal-bank biex naqdu aħjar lill-klijenti tagħna.”