Lokali Qorti

Mixlija b’serq ta’ tliet vażuni u arloġġ valur ta’ €13,000 mill-Palazz tal-Gran Mastru li ma ġewx irkuprati

Serba ta’ 52 sena nżammet arrestata wara li ġiet mixlija b’serq ta’ tliet vażuni u arloġġ, li l-valur kumplessiv tagħhom huwa ta’ madwar €13,000 minn kmamar fil-Palazz tal-Gran Mastru. Is-serqa saret fl-4 ta’ April bl-oġġetti misruqa għadhom ma ġewx irkuprati.

Ma ngħatawx ħafna dettalji waqt it-tressiq ta’ Ljubica Zivkovic, li qalet li taħdem bħala Perit u li hi involuta wkoll f’xogħol kulturali. Hija ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, b’serq ta’ dawn l-oġġetti ta’ valur, għad-dannu tal-aġenzija Heritage Malta, diversi persuni u entitajiet oħra.

Ġiet mixlija wkoll li wettqet dan ir-reat meta taf li dawn l-oġġetti huma ta’ valur kulturali u li ttieħdu b’mod illegali. Akkużi oħra fil-konfront tagħha huma li hi kienet taf li tali oġġetti kienu proprjetà tar-Repubblika ta’ Malta, li kisret sentenza mogħtija lilha f’Lulju ta’ sentejn ilu u li naqset milli toqgħod għal ordnijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella f’digriet li kien ingħata fit-8 ta’ April tas-sena l-oħra.

Saret talba għall-pleġġ minn naħa tal-Avukat tagħha Rachel Tua, li sabet oppożizzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni fejn minbarra li f’każ li l-oġġetti jibqgħu ma jiġux rkuprati, għandha tħallas għat-tali oġġetti. Il-prosekuzzjoni qalet li Zivkovic kienet ingħatat ordni ta’ probation fuq reati simili, li hija dipendenti fuq sustanzi u li hemm diversi xhieda li għad iridu jixhdu. Għalhekk hemm biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Ingħad ukoll mill-prosekuzzjoni, dwar il-biża’ li hija taħrab minn Malta u dan fid-dawl tal-fatt li l-oġġetti misruqa għadhom ma ġewx irkuprati. L-Avukat Tua qalet li fix-xogħol tagħha bilfors hi trid tiltaqa’ max-xhieda li għad iridu jiddeponu.

Hawn, il-Qorti qalet li kienet semgħet biżżejjed u li minħabba l-biża’ ta’ intraċċ tal-provi kienet qed tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Intalbet ukoll ordni ta’ trattament fil-konfront tal-akkużata minħabba s-sustanzi li tagħmel użu minnhom, liema talba kienet milqugħa.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Daryl Borg u Christina Delia, Kurt Farrugia bħala Supretendent Kulturali, u l-Avukat Nicholas De Gaetano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Heritage Malta għamlet rapport lill-Pulizija li bdiet tinvestiga l-każ. Flimkien ma’ uffiċjali ta’ Heritage Malta, kienu ġew analizzati filmati tas-CCTV cameras li hemm fil-Palazz tal-Gran Mastru, li waslu għall-akkużata.