Internazzjonali

Renju Unit: Tlett irġiel miżmuma wara t-traġedja tal-immigranti

Il-Pulizija Britannika arrestat tlett irġiel Sudaniżi b’konnessjoni mal-imwiet, nhar it-Tlieta, ta’ ħames immigranti – fosthom tifla ta’ seba’ snin —  li għerqu fil-Kanal Ingliż.

Il-vittmi kienu f’dgħajsa mgħobbija b’aktar minn 110 persuna, bit-tlett arrestati qed ikunu suspettati li faċilitaw l-immigrazzjoni illegali u li daħlu r-Renju Unit illegalment.

Il-vittmi tilfu ħajjithom waqt rassa terribbli fuq id-dgħajsa waqt li kienet qed taqsam mill-Kanal Ingliż, bl-arresti jsiru proprju fil-lejl tat-Tlieta fuq l-intervent mill-uffiċjali tan-National Crime Agency (NAC) u l-uffiċjali Britanniċi responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet relatati mal-Immigrazzjoni.

L-Uffiċjali, intant, mistennija jkomplu jinterrogaw lill-arrestati għal aktar dettalji dwar dan il-każ traġiku.