Internazzjonali

Ħaiti: Il-Kunsill Transitorju jieħu l-ġurament f’Port-au-Prince fost il-vjolenza u l-kaos

Il-vjolenza u l-anarkija rrankaw f’Port-au-Prince  anki waqt li l-membri tal-Kunsill proviżorju bl-inkarigu li jifforma l-Gvern li jmiss ta’ Ħaiti kienu qed jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala l-Amministrazzjoni Transitorja fil-kapitali.

Il-Gvern, irrispettivament mill-istruttura tiegħu, irid jikkonfronta l-kriżi umanitarja storika li żviluppat f’dan l-Istat fil-Karibew u meta bħalissa, f’Port-au-Prince, wieħed qed jissogra ħajtu b’li sempliċiment jaqsam minn triq għal ieħor.

Dan għaliex diversi gruppi armati rivali qegħdin jiġġieldu bla heda kontra xulxin huma u jissieltu għal kull nitfa art fil-kapitali bil-ħsieb li huma jżidu mat-territorji kontrollati minnhom. U l-vjolenza bejn il-gangs tant iggravat li l-uffiċjali kellhom jittrasferixxu ċ-ċerimonja tal-ġurament għall-membri tal-Gvern Transitorju mill-Palazz għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru li issa spiċċa uffiċjalment mill-kariga.

Fil-fatt, Ariel Henry, ix-xahar li għadda, ikkonferma li hu kien qed jirriżenja wara li l-gruppi armati ma tawh ċans li jirritorna lura pajjiżu mill-Kenja. Dan wara li hu mar hemmhekk biex jiffirma ftehim għat-trasferiment lejn Ħaiti ta’ qawwa tas-sigurtà multinazzjonali nkarigata biz-zamma tal-ordni u l-awtorità tal-liġi. Il-fatt li Henry spiċċa eżilat ifisser ukoll li Ħaiti, wieħed mill-aktar Stati foqra fid-dinja u fejn qed jgħixu mal-11-il miljun persuna, iha effettivament mingħajr Prim Ministru mit-12  ta’ Marzu.

Illum, il-parti kbira nett ta’ Port-au-Prince hi kontrollata mill-gangs li fl-aħħar ġimgħat kienu involuti f’sensiela ta’ battalji li ħallew l-għexieren tal-mejtin u midruba. Il-vjolenza u d-dmija anki nfirxet peress li gruppi ta’ viġilanti  fil-kapitali qegħdin iqumu u jarmaw ruħhom filwaqt li jattakkaw lill-membri tal-gangs fit-toroq.

L-istess gangs, intant,  approfittaw min-nuqqas ta’ sistema ta’ poter uffiċjali li rriżultat mir-riżenja ta’ Henry minn Prim Ministru. Dan waqt li huma komplew jokkupaw zoni oħrajn f’Ħaiti li effettivament għerqet f’baħar ta’ anarkija u kaos.