Lokali

“Il-Gvern għandu jippubblika d-dettalji kollha dwar il-Proklama” – PN

Il-Gvern għandu jippubblika l-kundizzjonijiet u d-dettalji kollha dwar il-Proklama li ta lil min inqabad li bbenefika mir-racket tal-benefiċċji soċjali.

Dan ir-racket intuża’ mill-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali biex jirbaħ il-voti ta’ mijiet ta’ persuni vulnerabbli.

Il-Gvern għandu wkoll l-obbligu li jiddikjara min talab li jingħata maħfra.

Il-Gvern għandu wkoll l-obbligu li jiżgura li dawk kollha, inklużi politiċi Laburisti preżenti u tal-passat, li kienu u għadhom parti minn dan ir-racket, ikunu investigati u jitressqu quddiem il-Qorti biex issir ġustizzja.

Fl-istess waqt, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiżgura li l-prosekuzzjonijiet f’dawn il-każijiet ikunu serji u professjonali biex ikun żgurat li min hu ħati jieħu dak li ħaqqu u mhux jispiċċa jeħlisha minħabba l-inkompetenza tal-prosekuzzjoni.