Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għar-rapport finalizzat mill-Fact Finding Board li nħatar wara rapporti li dehru fil-media ftit xhur ilu fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, li jilqa’ fih tfal b’diffikultajiet severi fit-tagħlim.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li wara pressjoni li saret lill-Gvern, primarjament mill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll minn diversi ġenituri, issa kien kostrett joħroġ stqarrija dwar ir-rapport, filwaqt li jibqa’ jinsisti li r-rapport innifsu ma jkunx ippubblikat. Illum il-Gven ħabbar li l-amministrazzjoni kollha taċ-Ċentru se tkun qed tinbidel.
Fi stqarrija x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Graziella Galea; u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri; saħqu li hi ħasra li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru tal-Edukazzjoni f’risposta għal Mistoqsija Parlamentari, sostna li r-rapport tal-Fact Finding hu wieħed kunfidenzjali, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ikunu evalwati u fejn meħtieġ ikunu implimentati.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jassigura li ċ-Ċentru jkun adattat għall-bżonnijiet tat-tfal kollha, ikollu biżżejjed riżorsi umani biex joffri l-aħjar servizz biex dawn it-tfal jimxu ‘l quddiem fl-edukazzjoni.
Fl-aħħar nett, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-istudenti li ma komplewx jattendu ċ-Ċentru Guardian Angel jingħataw programm alternattiv li hu adattat għall-bżonnijiet tagħhom. Irid ikun assigurat li jiġi mħares il-progress individwali.
//= $special ?>