Lokali

“Il-Gvern irid iqum minn hemm u jibda jieħu ħsieb l-annimali tagħna” – PN

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Gvern jgħaddi mill-konsultazzjoni għall-azzjoni fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Laburista jrid iqum minn hemm. Ma jistax ikun li nagħmlu konsultazzjoni wara oħra u l-azzjoni tibqa’ ma tasal qatt.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali u d-Drittijiet tal-Konsumatur Janice Chetcuti; u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis; li fakkru kif il-Gvern ħalla lill-NGOs u lis-santwarji tal-annimali, kif ukoll lir-raħħala u lil dawk kollha li għandhom annimali domestiċi mingħajr sptar għall-annimali tagħhom.

Il-kelliema qalu li wara li Gvern Nazzjonalista kien wettaq il-ħolma li jiftaħ sptar għall-annimali, li jopera 24 siegħa kuljum, dan il-Gvern baqa’ sakemm għalqu. U għal dawn l-aħħar tmien xhur ħalla lil kulħadd mingħajr soluzzjoni. Staqsew jekk din il-mossa kinitx marbuta mal-fatt li l-Partit Nazzjonalista rrifjuta talba tal-Ministru għall-Ħarsien tal-Annimali li jaqbel mat-tibdil ta’ tliet klawżoli fil-kuntratt ta’ min imexxi dan l-isptar.

Komplew li dan hu Gvern li jgħid li jikkonsulta 100 darba iżda jibqa’ ma jismax. Dan filwaqt li esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ infurzar fil-ħarsien tal-annimali. Dwar l-annimali eżotiċi illegali li qed jinżammu f’residenzi privati, staqsew x’jiġri jekk jaħrab xi wieħed minn dawn l-annimali.

Il-kelliema staqsew ukoll jekk l-awtoritajiet humiex qed iżommu kont ta’ kif u minn min qed jiġu rreġistrati ż-żwiemel, kif ukoll jekk humiex jaraw li dawn mhux qed jinqatlu f’residenzi privati u b’metodi brutali. Dwar in-nuqqar ta’ infurzar fejn jidħlu l-‘breeders’ tal-klieb u l-qtates, qalu li f’xi każijiet, dawn qed jipprostitiwixxu l-annimali tagħhom u qed jikkaġunaw moħqrija kbira.

Il-kelliema semmew it-tqegħid tal-ixkall aħmar tal-ilma ħelu u ż-żrinġ għarib f’Chadwick Lakes u għadajjar oħrajn, li qed jerqirdu ż-żrinġ Malti, filwaqt li staqsew jekk dan sarx bi skop. Spjegaw kif l-għoli tal-ħajja qed twassal ukoll lil xi sidien ta’ annimali biex jabbandunaw jew ineħħu l-pets tagħhom għax ma jifilħux iħallsu għall-ispejjeż tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista lest jaħdem mal-Gvern favur il-benesseri tal-annimali. Għaldaqstant, se jibqa’ jinsisti biex il-Gvern iqum minn hemm u jibda jilleġizla biex verament ikun qed jaġixxi favur il-ħarsien tal-annimali.