Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: ‘Jiżvelaw’ il-missili għal fuq distanzi kbar b’azzjoni fuq l-interessi tar-Russja fil-Krimea

L-Ukrajna bdiet tuża l-missili ballistiċi għal fuq id-distanzi kbar kontra l-interessi u l-faċilitajiet tar-Russi fil-penisola tal-Krimea….Dan żvelatu l-Istati Uniti wara li hi stess ipprovdiet dawn il-missili lill-Ukreni biex bihom huma jirreżistu aħjar l-invażjoni ta’arthom mill-qawwiet tal-Kremlin.

Sa ftit ilu, ma kienx magħruf li l-Ukreni kellhom din il-kapaċità militari — u meta kien biss dan ix-xahar li huma rċevew l-armi inkwistjoni bħala parti minn pakkett tal-appoġġ ‘preċedenti’ min-naħa ta’ Washington.

Fl-istess ħin, il-fatt li l-Ukrajna, issa, hi fil-pussess tal-missili għal fuq id-distanzi twal kien inżamm sigriet biex l-Ukreni ma jikkompromettux l-element tas-sorpriża waqt l-azzjonijiet tal-gwerra.

Dan ukoll meta l-Ukrajna, fil-jiem li ġejjin, għandha tirċievi pakkett ieħor ta’ għajnuna addizzjonali mingħand l-Istati Uniti….Għajnuna militari u ekonomika li saret possibbli wara l-voti fil-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat ta’ Washington; bil-President Amerikan, Joe Biden jiffirma personalment għal dan il-pakkett.

Jidher ukoll li l-Istati Uniti – fid-dawl tal-iżviluppi fl-Ukrajna – biddlet il-ħsieb li ma tipprovdix lill-Ukreni bl-armamenti ta kalibru akbar minn tas-sistemi tal-missili għal fuq id-distanzi medji. Dan, fost oħrajn, meta l-Amerikani kienu inkwetati li l-Ukreni setgħu jużaw il-missili għal fuq distanzi twal biex jolqtu l-ibliet tar-Russja u bil-konsegwenza li jeskalaw il-gwerra (fl-Ukrajna) li ilha minn Frar tal-2022.

Intant, qed jingħad li l-President Biden kien ilu minn Frar li approva, b’mod sigriet, it-trasferiment lill-Ukreni tal-missili li kapaċi jolqtu l-miri għal fuq distanzi ta’ 300 kilometru.

U waqt li mhux ċar l-ammont tal-missili f’idejn l-Ukreni, mistenni li dawn għandhom isaħħu bil-kbir il-kapaċitajiet tal-Ukrajna biex trażżan il-furja tal-magna tal-gwerra tar-Russja.

Dan minkejja li l-Kremlin f’Moska baqa’ jinsisti li l-missili ‘il-ġodda’ f’idejn l-Ukreni mhumiex se jibdlu b’mod fundamentali r-riżultat finali tal-konflitt f’artijiethom.