Kurżitajiet Lokali Mużika

Il-Kanzunetta tal-Eurovision ta’ Malta tinsab f’pożizzjoni ferm baxxa

Il-Eurovision World qed tbassar li Sarah Bonnici għandha ċans żgħir li tirbaħ il-Eurovision song contest għal Malta, meta fadal ftit aktar minn ġimgħatejn sal-finali. Malta bħalissa tinsab fil-qiegħ tal-lista ta’ 37 pajjiż li qed jikkompetu fil-konkors, b’ċans simili li tirbaħ bħar-rivali tal-Moldova, San Marino, u l-Portugall.

Bħalissa l-Isvizzera hija l-favorita biex tirbaħ il-kompetizzjoni, b’25% ċans li tirbaħ. Qabel Bonnici tikkompeti fil-finali, trid tgħaddi mit-tieni rawnd tas-semifinali fid-9 ta’ Mejju li se tkun hi li tiftaħ iċ-ċerimonja. Iċ-ċansijiet ta’ Malta li tikkwalifika għall-finali bħalissa huma ta’ 21%, titjib fuq il-probabbilta’ li tirbaħ iżda ‘l bogħod mit-93% mbassra għall-Isvizzera u l-Olanda.

Malta daħlet fil-15-il post mis-16 li qed jikkompetu fit-tieni rawnd tas-semifinali. Bonnici esprimiet l-eċċitament tagħha dwar il-ftuħ tat-tieni wirja tas-semifinali fejn l-ewwel semi-finali tas-7 ta’ Mejju se tara 15-il pajjiż jissieltu għal post fil-finali, b’16 oħra fosthom Malta, jpoġġu kontra xulxin fit-tieni semifinali jumejn biss wara.

Is-sena li għaddiet il-grupp The Busker spiċċa l-aħħar fl-ewwel semi-finali tal-kompetizzjoni bi tliet punti biss mogħtija lill-kanzunetta tagħhom Dance (Our Own Party). L-aħħar kantanta Maltija li waslet għall-finali kienet Destiny fl-2021 bis-single tagħha Je Me Casse.