Lokali Qorti

Il-Viċi Sindku ta’ Pembroke mixli li hedded lil ommu u kkawżalha biża’

Il-Viċi Sindku Laburista ta’ Pembroke inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit b’theddid fil-konfront ta’ ommu u li kkawżalha biża li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha. Omar Elaref Arab, li qal li xogħlu hu ta’ konsulent fin-negozju wieġeb mhux ħati li wettaq vjolenza domestika kontra ommu fid-dar tagħha ġewwa Pembroke fejn magħha kien jgħix.

L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Qorti li fl-24 ta’ April għall-ħabta tas-6.30pm ommu għamlet rapport mat-taqsima tal-vjolenza domestika fuq it-theddid li kienet qed issofri minn binha. L-Avukat Etienne Calleja li deher għall-akkużat talba lill-Qorti biex tordna divjet tal-pubblikazzjoni u dan minħabba li huwa figura pubblika, fis-sens li joħroġ għall-politika mal-Partit Laburista.

Qal li bħalissa hu wkoll għaddej minn proċeduri ċivili kontra eks impjegati tiegħu, u li dawn irritaljaw b’ħafna sensazzjonaliżmu fil-konfront tiegħu. Il-Qorti qalet li ma hemmx xejn fil-liġi li tgħid li għandu jkun hemm projbizzjoni fuq ismu għax sempliċiment qiegħed fid-dominju pubbliku.

L-Avukat qal ukoll li l-klijent tiegħu ġie arrestat meta kien għand it-tfajla tiegħu l-Belt, Valletta fejn hemm marru madwar 20 Pulizija, sempliċi għal arrest wieħed, li hi daqsxejn esaġerata. L-Ispettur Zammit qal li hu ma jafx kemm marru Pulizija biex jarrestaq lil Arab, madankollu jekk il-Pulizija jidhrilha li jkollu bżonn ħafna uffiċjali biex twettaq l-arrest, dan tista’ anke tibgħat 50 Pulizija jekk ikun hemm il-ħtieġa.

L-Avukat Calleja qal ukoll li l-klijent tiegħu m’għandu ebda intenzjoni li jibqa’ jgħix ma’ ommu u lest li jgħix mat-tfajla tiegħu. Tenna li huwa minnu li għandu problema tad-droga u li din wasslitu biex allegatament jaġixxi kif aġixxa f’dawn iċ-ċirkostanzi u allura hu ma jridx jgħix ma’ ommu. Għaldaqstant huwa għamel talba għal ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Din sabet oppożizzjoni kbira mill-prosekuzzjoni għal diversi raġunijiet fosthom il-biża ta’ intralċ tal-provi u d-dipendenza tiegħu fuq id-droga, Saret ukoll talba biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni  favur il-vittma. Id-difiża reġgħet tenniet li l-akku’at mhux beħsiebu jkellem lil ommu ‘għax il-ġarra issa nksiret”.

Barra minn hekk kompla l-avukat, l-imputat jista’ jintrabat li jattendi programm għar-riabilitazzjoni għal kontra d-droga. Il-Qorti qalet li dik affari tiegħu u l-Qorti ma tistax tobbligah. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ minħabba l-possibilità serja ta’ intralċ tal-provi tal-istess omm u missier li se jkunu xhieda tal-prosekuzzjoni.

Il-Qorti għalhekk irrakkomandat li lil min se jkun qed jisma’ dan il-każ biex mill-aktar fis possibbli tisma’ dawn ix-xhieda. Fuq talba tad-difiża l-Qorti qalet li qed tirrakomanda lid-direttur tal-ħabs biex jagħti kull lill-akkużat minħabba d-dipendenza mid-droga.

Il-Qorti ordnat lill-akkużat biex bl-ebda mod ma javviċina jew ikellem lil ommu la fejn taħdem u lanqas fejn tkun u lanqas fuq Facebook, sakemm tinqata l-kawża u li jekk mhux se jobdi din l-ordni jista’ jeħel multa ta’ 7,000 ew jew sentejn ħabs jew anke it-tnejn flimkien.