Lokali Qorti

Immulati €26,000 wara li nstabu responsabbli ta’ mewt ta’ żagħżugħ li waqa’ minn tliet sulari għoli

Tliet irġiel ġew immultati €26,000 bejniethom wara li nstabu responsabbli għall-mewt ta’ żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien tilef ħajti fit-23 ta’ Frar tal-2016 meta waqa’ minn għoli ta’ tliet sulari meta kien qed jaħdem fuq fuq sit ta’ kostruzzjoni fi Triq id-Duluri tal-Pietà.

L-inċident traġiku kien seħħ għall-ħabta tal-4.30pm. Samuel Camilleri (ritratt) minn Ħaż-Żebbuġ, kien miet l-isptar waqt li kien qed jirċievi trattament għal ġrieħi li ġarrab. George Cassar ta’ 61 sena minn Ħal Qormi, Joseph Grech ta’ 60 sena mill-Pietà u Anthony Sammut ta’ 71 sena minn Tas-Sliema kienu ġew akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ Samuel Camilleri.

Camilleri, li kien ilu jaħdem għal Cassar, il-kuntrattur għal madwar tliet xhur. Huwa kien impjega liż-żagħżugħ u kien akkużat ukoll b’numru ta’ ksur ta’ regoli tas-saħħa u s-sigurtà fosthom li naqas li jassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegat.

Il-Maġistrat sab lil Cassar bħala l-persuna l-aktar responsabbli għal dan l-inċident fejn ingħata multa ta’ €10,000. Grech li kien il-Project Supervisor tas-sit instab ħati wkoll ta’ omiċidju involontarju u numru ta’ ksur tas-saħħa u s-sigurtà u ġie mmultat €9,000. Sammut minn naħa tiegħu instab ħati ta’ numru ta’ ksur ta’ saħħa u sigurtà u ġie mmultat €7,000. It-tliet irġiel ġew ordnati wkoll iħallsu €2,085.96 fi spejjeż tal-qorti.

Grech, li kien supervisor tal-proġett, flimkien ma’ Sammut, ġew akkużati li naqsu milli jaħtru supervisor kompetenti fl-istadju tad-disinn u waqt li l-proġett kien qed jinbena. Huma ġew akkużati wkoll li naqsu milli jaqdu dmirijiethom u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala klijenti.

Grech u Sammut ġew akkużati wkoll li naqset li fasslu pjan ta’ saħħa u sigurtà. Grech kien mixli wkoll li naqas milli jikkoordina u jimplimenta prinċipji ġenerali tas-saħħa u s-sigurtà. Dakinhar tal-inċident il-Pulizija tad-distrett tal-Ħamrun ġew infurmati li Camilleri ttieħed l-Isptar Mater Dei wara waqgħa ta’ tliet sulari fuq sit li jinsab fuq 124/125/126 Triq id-Duluri tal-Pietà.

Aktar tartd, huma kienu nfurmati li ż-żagħżugħ kien tilef ħajtu ftit wara li ddaħħal l-isptar. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li fil-ħin tal-inċident, Camilleri flimkien mal-kuntrattur George Cassar kienu qed jarmaw ix-shutters biex jitferra’ l-konkos fit-tielet sular meta l-vittma waqa’ fil-bitħa interna.

Ma kienux fuq il-post meta seħħ l-inċident

Irriżulta wkoll li fil-ħin tal-inċident, is-supervisor tal-proġett, Grech u sieħbu Sammut ma kinux fuq il-post. Kien għalhekk li dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali u nħatru diversi esperti. Waqt spezzjoni, il-Perit Charles Farrugia mar fuq il-post wara talba mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Fil-Qorti irriżulta li Farrugia sab għadira demm fil-bitħa interna u xi twavel tal-injam fil-ġenb. Farrugia sab li l-istruttura tax-shutters kellha xi twavel neqsin, li jikkorrispondu ma’ dawk misjuba fil-bitħa interna. Kien għalhekk li Farrugia kkonkluda li ma ttieħdux diversi miżuri ta’ saħħa u sigurtà.

Fil-Qorti tressqet Formola ta’ Notifika ta’ Kostruzzjoni bid-data tas-6 ta’ Mejju 2016 iffirmata minn Grech, li turi li hu kkonferma li kien il-klijent u li kienet inħatret terza persuna bħala supervisor tal-proġett. Barra minn hekk, il-Qorti tressqet ukoll Formola ta’ Notifika ta’ Kostruzzjoni li tmur lura għall-10 ta’ Jannar 2011 li turi lil Grech bħala l-klijent u s-supervisor tal-proġett.

Ix-xhud osserva li għalkemm ma kien hemm xejn li jżomm lil Grech milli jkun kemm il-klijent kif ukoll is-supervisor tal-proġett, l-akkużat ma kellu l-ebda taħriġ, esperjenza jew kwalifiki fil-qasam. Uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà xehed ukoll fil-każ fejn spjega li nħatar fit-3 ta’ Mejju 2016 u ressaq il-pjanijiet lill-OHSA aktar tard dak ix-xahar.

Meta l-uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà kien sar parti mill-proġett, kienu diġà nbnew żewġ sulari. Joseph Grech kien spjega li kien qed jiżviluppa l-proġett flimkien ma’ Sammut, filwaqt li Cassar kien il-bennej. Skont l-akkużat, fl-2009 kien mar l-OHSA jistaqsi jekk jistax ikun is-supervisor tal-proġett, u ġie infurmat li kellu bżonn jgħaddi minn eżami.

Ir-raġel qagħad għall-eżami u għadda. Grech qal li kien ilu aktar minn 20 sena fl-industrija tal-kostruzzjoni, u din kienet l-ewwel darba bħala supervisor tal-proġett. Xehed ukoll li l-OHSA għamlet diversi spezzjonijiet, u ma sabet xejn ħażin.

Grech qal lill-Qorti li dakinhar tal-inċident kien ġibed l-attenzjoni ta’ Camilleri darbtejn, darba wara li baqa’ taħt il-ġebel li kien qed jinġibed fit-tielet sular, u t-tieni darba meta l-vittma kien fuq il-mobila u miexi tul it-twavel tax-shutters li ma kinux ġew assigurati. Sostna li ried isejjaħ lil Cassar biex ikeċċi lill-vittma, iżda Camilleri fil-pront qallu li kien qed jieħu break.

Il-vittma ma kienx irreġistrat ma’ JobsPlus

Il-Qorti qalet illi mill-provi prodotti rriżulta li George Cassar kien il-bennej ingaġġat għal dan il-proġett minn Anthony Sammut. Huwa kien responsabbli mil-kostruzzjoni tal-binja peress li tħaffir kien f’idejn kuntrattur ieħor.

Jirriżulta li Samuel Camilleri kien ilu biss ftit xhur miegħu, tant li lanqas kien għadu reġistrat ma JobsPlus. Irriżulta wkoll li għalkemm Samuel Camilleri isostni li jaf jarma x-shutter, George Cassar induna li dan ma kienx minnu u li kien qed jgħallmu s-sengħa u fl-istess ħin iħallsu ta’ xogħolu.

Jgħid filfatt li hu jew ibnu Jeffrey Cassar kienu joqgħodu miegħu. Fil-mumenti li seħħ l-inċident fuq is-sit kienu George Cassar u Samuel Camilleri biss. Camilleri kien fuq in-naħa ta’ wara tal-binja filwaqt li Cassar kien fuq in-naħa l-oħra. Illi bħala stat ta’ fatt, l-inċident seħħ fil-proċess t-tqegħid tax-shuttering u lfrix tax-xibka u l-ħadid.

Illi ħareġ minn xhieda li f’din il-fażi ma tistax tagħmel ilqugħ mill-għoli għax propju m’hemmx fejn tqabbad l-ilqugħ. Ħareġ ukoll li f’dan l-istadju huwa perikluż li jintuża harness propju għax il-ħabel tiegħu jaf ikun ta’ xkiel u ta’ periklu għall-ħaddiem.

Illi din l-osservazzjoni saret ukoll mill-espert maħtur mill-Qorti Inkwirenti l-Perit Richard Aquilina, fejn qal li: “Mhux possibbli li jkun hemm ilqugħ meta jkun qiegħed isir l-armar għas-soqfa peress li ma jkunx hemm post fejn wieħed jistrieħ fuq ilħitan.

Minn naħa l-oħra, l-użu tas-Safety Harness f’dan it-tip ta’ xogħol jista’ jkun ta’ tfixkil għall-ħaddiem. Għalhekk l-armar tas-soqfa huwa xogħol ta’ periklu kbir.” Il-Qorti qalet li taqbel mal-konklużjonijiet tal-Perit Aquilina, biss dan ma jiffissirx li l-ilqugħ u s-Safety Harness huma l-uniċi prekawzjonijiet li jistgħu
jittieħdu f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Illi filfatt, ir-regolament 5 tas-Sezzjoni II tal-Parti B tal-Iskeda IV tal-Avviż Legali 281 tal-200444 jagħti diversi eżempji ta’ kif jistgħu jiġi mitigat il-periklu ta’ waqa’ mill-għoli. Ma rriżultax mill-provi prodotti li kien hemm xi wieħed, jew aktar, minn dawn l-eżempji, jew xi forma ta’ mitigazzjoni oħra li setgħet tevita jew timmitiga waqa’ mill-għoli.

Waqa’ fuq art tal-konkos

Filfatt, il-Perit Aquilina stess jikkonkludi li “L-art li fuqha waqa’ Samuel kienet tal-konkos, b’ebda materjal li seta’ jmewwet id-daqqa.” Illi jirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tal-Perit Aquilina, kif ukoll mill-provi prodotti, li x-xogħol tal-armar tas-soqfa huwa xogħol ta’ periklu kbir u għaldaqstant jeħtieġ attenzjoni ogħla minn dawk li qed jaħdmuh.

Irriżulta, però, li fil-mument li seħħ l-inċident, Samuel Camilleri u George Cassar kienu f’inħawi differenti tal-binja. Illi fil-fehma tal-Qorti, George Cassar naqas bil-kbir milli jevita’ tali inċident u dan għaliex hu stess kien jaf li Samuel Camilleri ma kienx jaf jarma x-shuttering u kien ikun il-ħin kollu fuq il-mobile.

Di più, fil-mument li seħħ l-inċident kienu huma t-tnejn biss fuq is-sit u b’hekk George Camilleri seta’ faċilment jagħti aktar attenzjoni ta’ fejn kien qiegħed Samuel Camilleri, partikolament meta kien konxju ta’
dawn il-partikolaritajiet ta’ Samuel Camilleri. Hawn si tratta ta’ Cassar, li għandu esperjenza fit-tqegħid tas-soqfa u l-perikli abbinati ma’ dan ixxogħol flimkien ma’ Camilleri li evidentement ma kellux esperjenza taxxogħol u r-riskji abbinati. B’hekk Cassar kellu responsabiltà elevata fil-konfront ta’ ħajjiet Camilleri.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li fid-dawl tal-akkużi diversi miġjuba fil-konfront tat-tliet irġiel, il-Qorti tqis li l-piena ta’ George Cassar għandha tkun waħda severa għaliex apparti mill-akkuża tal-qtil involontarju ta’ Samuel Camilleri u l-akkużi tal-ksur tal-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post ta-xogħol, huwa għandu wkoll l-addebitu tar-reċidiva.

Fir-rigward ta’ Joseph Grech, il-piena trid tkun waħda severa wkoll peress li apparti l-akkuża marbuta mal-qtil involontarju ta’ Samuel Camilleri u apparti l-ksur tal-liġijiet rigwardanti saħħa u s-sigurtà fuq il-post
ta-xogħol, huwa kien ukoll is-supervisor tal-proġett u n-nuqqasijiet tiegħu huma serjissimi.

Dwar Anthony Sammut, il-Qorti tqis li l-piena tiegħu għandha tkun inqas severa minn ta’ Joseph Grech u George Cassar peress li l-akkużi fil-konfront tiegħu huma limitati għall-ksur tal-liġijiet rigwardanti saħħa u s-sigurtà fuq il-post ta-xogħol. Is-Supretendent Robert Vella mexxa l-prosekuzzjoni u l-Maġistrat Leonard Caruana ppreseda l-każ. Għall-irġiel deheru l-Avukati Gianella Demarco, Roberto Montalto u Frank Cassar.