Internazzjonali

In-NU: Ir-Russja tuża l-veto fil-kwistjoni dwar l-armamenti fl-ispazju

Ir-Russja eżerċitat id-dritt tal-veto għal riżoluzzjoni, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ssejjaħ biex il-pajjiżi kollha jevitaw tellieqa għall-kisba tal-armamenti għall-ispazju. L-armamenti kapaċi jagħtu dimensjoni ‘straordinarja u allarmanti’ lil kwalunkwe konflitt fuq livell reġjonali u dinji.

L-abbozz tar-riżoluzzjoni, imressaq mill-Istati Uniti u l-Ġappun, kien qed jaħseb biex isostni prinċipju diġà mfassal fl-hekk imsejjaħ Outer Space Treaty tal-1967. Intant, ir-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill, qalet li għadha xorta ‘impenjata favur it-trattat eżistenti’ – bl-Istati Uniti twissi li Moska kapaċi qed tiżviluppa arma nukleari, ibbażata fl-ispazju, għall-attakki fuq is-satelliti.

L-abbozz inkwistjoni jsejjaħ biex il-pajjiżi kollha – partikularment il-pajjiżi bil-kapaċitajiet għall-missjonijiet u proġetti fl-ispazju – jikkontribwwixxu b’mod attiv għall-użu paċifiku tal-ispazju huma u jevitaw il-proliferazzjoni tal-armamenti sofistikati ‘l hinn mill-orbita tad-dinja.

Il-pajjiżi firmatarji, fl-istess ħin, huma mħeġġa  biex jirrispettaw bla riservi t-Trattat tal-1967. Dan wara li huma impenjaw ruħhom biex ma jistallawx is-sistemi ta’ armamenti ‘madwar id-dinja’ li kapaċi jġorru n-nukleari jew materjal ieħor għall-qerda tal-bniedem fuq xi skala massiċċa.