Lokali

“Inkomplu nsaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet biex insaħħu isem pajjiżna” – PN

“Għandna fiduċja fl-istituzzjonijiet, iżda rridu nkomplu nimbuttaw biex insaħħuhom dejjem aktar. B’hekk naħdmu biex insaħħu isem pajjiżna”.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul żjara lil għadd ta’ ħaddiema tal-MFSA bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat bis-sħiħ biex ikun eqreb lejn il-ħaddiema Maltin u Għawdxin fuq kull livell hekk kif ukoll jibqa’ impenjat biex jimbutta biex tiżdied il-fiduċja f’dawk l-istituzzjonijiet li xogħolhom hu li jippreservaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Reputazzjoni tajba għall-pajjiż issarraf f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista jemmen fis-saltna tad-dritt u se jibqa’ jagħti d-direzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-ħaddiema tal-MFSA tal-ħidma tagħhom favur pajjiżna.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia; u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius u Lee Bugeja Bartolo.