Lokali

“Jekk il-prosekuzzjoni kontra Keith Schembri titħalla tiskadi, irid ikun hemm konsegwenzi”- David Casa

Waqt skambju ta’ fehmiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen li sar mal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet Nazzjonali tal-Grupp tal-PPE fi Strasburgu, l-MPE David Casa għamilha ċara li l-kostitwenti tiegħu talbu azzjoni aktar b’saħħitha mill-UE biex tindirizza l-kollass tal-istat tad-dritt f’Malta.

“Għandna liġijiet fuq il-karta li jintużaw biex iħarrku liċ-ċittadini malli jaqbżu l-linja. Imma meta niġu għal dawk esposti mill-Panama Papers – xejn. Il-korruzzjoni li minħabba fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia biex twaqqafha milli tkompli tikxef – xejn.”

Casa rrefera wkoll għall-perjodu preskrittiv imminenti fir-rigward tal-allegati ksur minn Keith Schembri tal-Atti dwar is-Sigrieti Uffiċjali u s-Servizzi tas-Sigurtà, u għamilha ċara li jekk l-awtoritajiet iħalluhom jiskadu, ikun ġiet injorata l-aħħar twissija.

“Iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat ta’ dak iż-żmien mhux biss kien qed jgħaddi d-dettalji tal-investigazzjoni lill-moħħ wara l-allegat qtil ta’ Yorgen Fenech, iżda wkoll qasam kopja tal-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma – jekk l-allegat ksur sfaċċat tal-Atti tas-Sigrieti Uffiċjali u tas-Servizzi tas-Sigurtà jibqgħu mingħajr proskuzzjoni, il-Kummissjoni trid taġixxi.”

Il-perjodu preskrittiv jiskadi f’Diċembru 2024, li effettivament hija data tal-iskandenza għal kwalunkwe prosekuzzjoni.

“Il-pożizzjonijiet sodi li ħadu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa fid-difiża tal-poplu Malti ma ssarrfux fl-azzjoni konkreta meħtieġa mill-Kummissjoni,” stqarr Casa.

Il-President Von der Leyen iddikjarat li kienet se tagħmel rendikont u aktar skambji bilaterali mal-MEP Casa dwar il-kwistjoni.