Lokali

“Jiċċensuraw attività ppreseduta minn Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew dwar l-20 sena ta’ Malta fl-UE” – PN

L-Awtorità tax-Xandir għandha minnufih tirtira d-direttiva li minħabba fiha qed ikunu ċċensurati attivitajiet ta’ importanza nazzjonali u Ewropew, sempliċement biex jiċċensuraw ix-xogħol tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Ilbieraħ, dak li suppost hu l-istazzjon pubbliku ċċensura attività fil-Parlament Ewropew ippreseduta minn Roberta Metsola dwar l-20 sena anniversarju minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea. Dan l-att ta’ ċensura seħħ ftit jiem wara direttiva tal-Awtorità tax-Xandir, li biha qed ikunu ċċensurati ħidmet il-Parlament Ewropew u l-President tiegħu, Roberta Metsola.

L-attività fil-Parlament Ewropew kienet qed tikkommemora anniversarju storiku li ċertament jistħoqqlu kull xorta ta’ rappurtaġġ estensiv u xieraq.

Il-PBS u l-Awtorità tax-Xandir għandhom jifhmu li d-dmir tagħhom hu li jippromwovu l-libertà tal-espressjoni u aċċess indaqs għall-informazzjoni, minflok ma joħolqu ostakli.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jitlob li l-Awtorità tax-Xandir tirtira minnufih din id-direttiva li qed tintuża’ bħala għodda ta’ ċensura.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jieħu kull azzjoni meħtieġa biex jassigura li jkunu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-poplu, li jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha.